Fi żmien ġimgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkollu jitlob vot ta’ fiduċja fost l-1500 membru tal-Kunsill Ġenerali hekk kif petizzjoni li bdiet tiċċirkola fost il-kunsilliera laħqet il-150 firma. Dan qalitu t-Times of Malta fi storja ppubblikata l-Ħadd waranofsinhar.
Fl-ittra li daret f’kull struttura li għandu l-Partit qed jingħad li r-riżultati tal-elezzjonijiet li għaddew qed ipoġġu lill-Partit Nazzjonalista f’riskju serju. Hemm ukoll tfakkira li l-Partit Nazzjonalista tilef bl-akbar distakk mill-Indipendenza ‘l hawn.
Fl-ittra jingħad li ġaladarba nġabru l-150 firma neċessarja, il-Partit Nazzjonalista għandu ġimgħa ċans biex ilaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jgħaddi vot fuq din il-mistoqsija.
“Wara r-riżultati miksuba mill-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli lokali fil-25 ta’ Mejju 2019, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jerfa’ responsabbiltà politika. Iva jew le?”
Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw ma’ ONE NEWS li din il-petizzjoni bdiet tiġi ccirkolata minn nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil; bil-gazzetta ILLUM qalet li fost dawn hemm nies qrib Beppe Fenech Adami u Jason Azzoppardi.
Madankollu kienet it-times of Malta li l-Ħadd wara nofsinhar qalet li ntlaħqu il-mija u ħamsin firma li kien hemm bżonn sbaiex titressaq din il-mozzjoni ta’ fiduċja fil-kap.
L-eks kandidat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal lil the Times li kien minn tal-ewwel li ffirma din il-petizzjoni hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma jistax jbqa’ miexi fit-triq li qabad.
Dawn l-aħħar żviluppi komplew iħarbtu il-pjanijiet tal-Kap Adrian Delia, li sa mill-għada tal-aħħar elezzjonijiet, iffaċċja gwerra taħraq bejn il-fazzjoni tiegħu u ta’ Simon Busuttil.
Minkejja li rebaħ vot fost it-83 membru tal-eżekuttiv b’rabta mas-siġġu li ġie vakat minn David Stellini, Delia kien kostrett jerga’ jdoqq l-irtirata biex jagħti s-siġġu li rebbaħ lill-id il-leminija tiegħu Jean Pierre Debono lil Kevin Cutajar, kandidat Għawdxi li kellu s-sosten tal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Delia kellu pressjoni kbira wkoll minn numru ta’ kumitati sezzjonali li talbuh jerfa’ r-responsabbiltà politika, fosthom tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Mellieħa.
Il-ġimgħa li għaddiet Delia laqqa’ l-kumitat eżekuttiv u l-grupp Parlamentari b’rabta ma talbiet li kienu qed isirulu. Waqt il-laqgħa tal-eżekuttiv kien kostrett jirriżenja Pierre Portelli, bastun ieħor ta’ Adrian Delia li kien fdat bit-tmexxija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Minkejja li sa issa Delia deher li salva l-attentati kollha fil-konfront tiegħu, din il-mozzjoni mistennija ġġiegħlu jagħmel li ma jridx u se jkollu jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu. Vot li m’għandux garanzija li jirbaħ.
Jekk Adrian Delia jitlef dan il-vot, huwa se jkollu jwarrab minn kap sentejn biss wara li wiegħed mod ġdid sabiex ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejh.