Lura fit-3 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, wara li twaqqfet mill-uffiċjali tal-ajruport, Tainara Fernandes Da Silva ta’ 22 sena mill-Brażil, kienet ġiet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Meta l-mara kienet għadha kemm niżlet minn ajruplan li kien ġej minn Barċellona, uffiċjali tal-ajruport osservawha ġġib ruħha b’mod suspettuż, fejn anke kienet pprovat taħrab mill-Pulizija.
Wara li nqabdet, sarilha X-ray li kixef il-qratas bid-droga ġo fiha, b’kilo kokaina b’valur fit-triq stmat li jlaħħaq kważi l-€130,000.
Wara li ġiet akkużata li importat id-droga kokaina u li kienet fil-pussess tagħha f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li ma kinitx għall-użu personali, hija għall-ewwel kienet wieġbet mhux ħatja, iżda, aktar kmieni dan ix-xahar, il-mara bidlet il-verżjoni tagħha u ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha.
Issa l-Ħamis filgħodu l-Qorti Kriminali kkundannat lil Da Silva ħames snin u sitt xhur ħabs, waqt li ġiet immultata €7,000. Il-Qorti wkoll ordnatilha tħallas €1,041.79 fi spejjeż.