L-Assoċjazzjoni għal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar li l-vaċċin li qed ikun żviluppat kontra l-Covid-19 jidher li hu effettiv.
Fi stqarrija l-MHRA qalet li hija minn dejjem saħqet li għandha tinstab soluzzjoni medika biex nirkupraw minn din is-sitwazzjoni u b’hekk l-industrija tat-turiżmu tkun tista’ tibda tirpilja wkoll.
Il-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra qal li sa minn meta bdiet l-imxija, din il-pandemija ġabet l-industrija tal-ospitalità għarkupptejha. Dan mhux f’Malta biss imma madwar id-dinja kollha.
Huwa qal li Malta mhix eċċezzjoni imma permezz tal-għajnuna li ta l-Gvern, fosthom bl-għajnuna fi ħlas tal-pagi, ġew issalvgwardjati diversi impjiegi f’dan is-settur.
Is-Sur Zahra tenna li huwa jħares ’il quddiem biex flimkien mal-Gvern ifassal pjan li permezz tiegħu, is-settur turistiku jerġa’ jiġi fuq saqajh.
L-MHRA qed tistma li s-settur turistiku jieħu bejn sentejn u tliet snin biex jerġa’ jirkupra u Malta jkollha ċifri sbieħ ta’ turisti bħalma kellha fl-2019.
Din l-assoċjazzjoni temmet tgħid li Malta se jkollha kompetizzjoni minn destinazzjonijiet li għandhom l-istess klima bħalha. Għalhekk pajjiżna rrid ikun kompetittiv f’dan ir-rigward.