Il-plejer li jikkompeti fil-Wheelchair Darts Bradley Zerafa ipparteċipa fil-BDDA Classic and Open 2023 li sar f’Essex l-Ingilterra.
Zerafa, li ilu jilgħab id-darts għal dawn l-aħħar 12-il xahar, ipparteċipa kemm fil-kategorija individwali kif ukoll fid-doubles.
Fl-ewwel ġurnata tad-doubles, Zerafa lagħab ma’ Vincent D’Hont li għelbu lill-koppja Jurgen Vercammen u Ian Lewis 3-1. Fit-tieni pairing, Zerafa ingħaqad ma’ Amar Dehar bil-koppja titlef 3-0 kontra Vincent D’Hont u Jesper Anderson.
Fit-tieni ġurnata, Bradley Zerafa lagħab fil-kompetizzjoni individwali fejn fosthom affaċċja lil Amar Dehar, Anton Van Hamert u Darren Kennish u spiċċa r-raba’ overall.
Finalment fl-aħħar ġurnata, Zerafa kellu s-sodisfazzjon jiġi fit-tielet post wara li ħa sehem f’round robin tournament fejn fost l-oħrajn kellu lill-plejer irrankjat fl-ewwel post Vincent D’Hont u Dirkske Sampers.
Sadanittant wara dan it-turnew, il-World Para Darts ħarġet ir-rankings b’Zerafa li żamm is-seba’ pożizzjoni minn 54 plejer meta għandu total ta’ 234 punt.