It-Times qalet li hija vittma ta’ dak li ġara.
Dan intqal f’editorjal tal-gazzetta fl-isfond tal-iżviluppi li seħħew is-Sibt filgħaxija fejn ħdax-il persuna tressqu l-Qorti mixlija bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn.
Fost dawk mixlija hemm l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Vincent Buhagiar.
Fil-fatt hemm allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment bejn Adrian Hillman, li wkoll kien Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers u Keith Schembri.
Dwar il-kumpanija tat-Times ġie rappurtat ukoll li din setgħet frodat mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro lil Malta Enterprise, f’fondi t’għajnuna li rċeviet fuq proġett.
Fil-fatt ir-rapporti fil-midja qalu li qed jiġi investigat ukoll id-Direttur Maniġerjali preżenti ta’ Allied Newspapers Michel Rizzo.
Fl-editorjal tal-lum fuq it-Times intqal li huwa naturali li l-qarrejja tal-gazzetta jsaqsu mistoqsijiet fuq il-kumpanija Allied Newspapers u naturalment fuq it-Times of Malta.
Fl-editorjal it-Times qalet li l-mistoqsijiet li qed iqumu lejha jiġu aktar relevanti għaliex Allied Newspapers baqgħet siekta mindu l-allegazzjonijiet dwar Hillman ħarġu.
L-editur tat-Times ċaħad li Allied Newspapers tindaħal fil-linja editorjali tal-gazzetta.
L-editorjal imbagħad tenna l-istqarrija li ħarġet minn Allied Newspapers it-Tnejn fejn intqal li Keith Schembri qatt m’għadda flus lill-kumpanija.
Allied Newspapers tat-Times qalet li jekk Schembri għadda xi flus lil Vince Buhagiar u Adrian Hillman, dan sar minn wara dahar id-diretturi l-oħra fil-bord tal-kumpanija.
Allied Newspapers anki rreferiet għar-rapport tal-gazzetta Illum tal-Ħadd fejn ġie allegat li l-kumpanija tat-Times setgħet frodat lil Malta Enterprise mas-seba’ mija u ħamsin elf ewro.
Il-kumpanija tat-Times qalet li m’għandha l-ebda għarfien dwar irregolaritajiet għall-finanzjament ta’ fondi li kienet talbet mill-entità tal-istat, li ġġib l-investiment lejn pajjiżna u li tgħin lin-negozji.
Fl-editorjal tat-Tlieta imbagħad il-gazzetta kritikat lil min qed jikkritikaha fuq l-aħħar żviluppi u bagħtet messaġġ li hi midja indipendenti.