Bqajt ma ffirmajtx il-petizzjoni li qiegħda iddur online b’rabta mar-regolamenti tal-Malta Football Association fejn jidħlu t-tfal li jmorru jitħarrġu f’nursery tal-futbol.
Mhux għax fil-prinċipju ma naqbilx li t-tfal għandhom ikunu kemm jista’ jkun ħielsa u ma jkollhom ebda rabta dwar meta u ma min iridu jilagħbu l-futbol. Fil-prinċipju, dik l-isbaħ ħaġa.
Iżda, ma ffirmajtx għax meta titlob xi ħaġa trid tara l-istampa kollha u tifhem il-pożizzjoni taż-żewġ naħat. Bħala ġenitur li nieħu lil ibni f’waħda min-nurseries li għandna fil-pajjiż nifhem u napprezza kemm isiru sagrifiċċji minn membri ta’ kumitati, ħafna drabi volontiera, biex joffru esperjenza sabiħa lil uliedna.
Biex jitħarrġu fi grawnd ta’ livell u biex isibu jgħinuhom fit-taħriġ kowċis liċenzjati li mhux biss jifhmu fil-logħba tal-ballun iżda wkoll fl-esperjenza edukattiva li jridu joffru lil uliedna.
Għal dan kollu n-nursery titlobna miżata ta’ madwar €190 fis-sena (uħud ftit iktar u oħrajn inqas). Meta taqsam dawn fuq tmien xhur ta’ staġun qed nitkellmu fuq €20 fix-xahar jew €5 fil-ġimgħa. Mhux xi somma fenomenali fiż-żminijiet tal-lum. Irħas minn kemm ħbieb tiegħi iħallsu biex jieħdu l-uliedhom sports jew attivitajiet extra kurrikulari oħra bħal ballet jew drama.
Għalhekk forsi nibda nifhem minn fejn ġejja s-sistema li wara li tifel jagħlaq tnax-il sena (u mhux qabel kif kien hawn min prova jagħti x’jifhem) ikun hemm kumpens finanzjarju biex jiċċaqlaq minn tim għal ieħor. Kumpens li ħafna drabi jħallsu t-tim li jkun jixtiequ miegħu.
Issa din turta ħafna nies minħabba li fil-ħajja jinqalgħu ċirkostanzi li wieħed mhux dejjem ikollu kontroll fuqhom. Mhux dejjem plejer jiċċaqlaq għax ikun tajjeb u jrid itejjeb it-tim. Naturalment hemm ħafna ċirkostanzi fejn nursery tagħlaq għajnejha anke għaliex ma jkollhiex interess li żżomm tifel li forsi ma jkunx qed jipprometti daqshekk. Ħafna drabi l-kwistjoni tqum meta jkun hemm tifel li jipprometti.
Quddiem din ir-realtà nemmen li jagħmel iktar sens li wieħed jibda jaħseb fuq alternattivi milli jiffirma petizzjoni li tieħu minn naħa biss u ma tati xejn min-naħa l-oħra.
Fost oħrajn, għandhom in-nurseries jikkunsidraw li jkollhom sistema doppja fejn min jagħżel li jħallas il-miżata ta’ bħalissa jibqa’ taħt ir-reġim ta’ regolamenti preżenti u min irid jinħall mis-sistema jħallas dik ix-xi ħaġa iktar fix-xahar? Iħallas miżata li tirrifletti l-investiment fir-riżorsi u t-tagħlim li jingħataw. Din żgur mhix xi soluzzjoni maġika. Iżda, hija proposta waħda maħsuba biex tqanqal diskussjoni.
Hemm affarijiet oħra li wieħed irid jaħseb fihom. X’fiha ħażin li minn żgħar it-tfal nibdew ngħallmuhom l-idea tal-commitment? Iktar u iktar f’dinja tal-futbol li qed issir tiddependi biss fuq il-flus.
M’għandix dubju li fost l-ewwel li mhux se jaqblu miegħi hemm dawk li jirrappreżentaw il-plejers. Nies b’ħafna argumenti tajbin ukoll li ta’ sikwit nismagħhom jitkellmu fuq drittijiet fl-istess ħin li jitkellmu kontra l-inklużjoni ta’ iktar barranin fil-futbol Malti. Però għandhom jiffokaw iktar biex liż-żgħar u ż-żgħażagħ tagħna ngħinuhom jifhmu iktar xi jfisser sagrifiċċju.
Inkella se nibqgħu ntellgħu l-aħjar plejers tagħna (li minnhom ma jkollniex gzuz) bil-mentalità li jridu jdawruha tajjeb mill-futbol filwaqt li jkollhom impjieg ieħor matul il-jum. Fi ftit kliem nibqgħu nrawmu mentalità li tinstiga iktar lil diriġent ta’ klabb – ħafna drabi volontier jew joħroġ il-flus mill-but – li jġib barrani minflok jipprova Malti.