Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ ts-sena akkademika, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred Vella appella għal iktar parità bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet lokali, inkluż fl-Università ta’ Malta.
Bit-tema 250 sena wara u iktar rilevanti minn qatt qabel, il-Professur Vella rrimarka li l-varjazzjoni fil-ġeneri, iġġib iktar stabilità fis-sistema.
Sostna kif illum fl-Università hemm iżjed studenti nisa milli rġiel.
Iżda b’mod simili għall-ħajja politika, is-sehem tan-nisa fil-korp akkademiku u ammnistrattiv baqaż baxx. Qal li 17% biss huma professuri nisa u jagħmlu 34% tal-korp akkademiku kollu.
Ir-Rettur qal dan fl-isfond tal-100 anniversarju mindu daħlu l-ewwel studenti nisa fl-Università. Ġrajja li seħħet 28 sena qabel mal-Università ta’ Cambridge fir-Renju Unit ippermettiet dan.
Spjega li l-Università qed taħdem għall-ġid tas-soċjetà Maltija iktar relevanti minn qatt qabel, fosthom f’oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni.
Ir-Rettur esprima t-tama wkoll li fi żmien sentejn jew tliet snin jitlestew ix-xogħlijiet fuq ir-residenza l-ġdida għall-istudenti u l-kampus il-ġdid, approvat il-ġimgħa li għaddiet.
Intant s’issa kważi tlett elf u sitt mitt studenti Maltin ġew aċċettati biex jibdew kors l-università biex issa l-għadd ta’ studenti jlaħħaq il-11,750.
Aktar minn sebat elef huma nisa filwaqt li fit aktar minn erbat elef u seba’ mija huma rġiel. Minbarra l-istudenti Maltin, l-università se jkollha 950 student barrani minn 111 pajjiż.
ONE News tkellem ma’ għadd ta’ studenti ġodda fejn qalulna li jinsabu ħerqana li jibdew dan il-vjaġġ importanti f’ħajjithom.
Student li tkellimna miegħu stqarr: “Dħalt fuq bachelor of commerce, accounts għax nixtieq insir accountant ovvjament. Esperjenza ġdida, naraw x’għanda x’toffri.”
Student ieħor tenna li “Nispera li twassalni għad-dream job tiegħi u vera ferħana li ħa nibda naħdem għal dak li nixtieq”.
Dan filwaqt li hemm min qed jersaq lejn it-tmiem tal-avventura fl-Università u għaldaqstant qed jibda jħares lejn karriera professjonali.
Student ieħor qal li “Qiegħed fl-aħħar sena tiegħi jiġifieri ovvjament it-teżi u hekk ħafna xogħol pero apparti minn hekk issa looking forward għad-dinja tax-xogħol u nibdew nesperjenzaw x’hemm oltre mill-Università.”
Minbarra l-kważi 12,000 student fl-Università, fl-istess jum 914-il student ieħor ta’ bejn is-16 u t-18-il sena bdew isegwu l-kors tal-Matrikola fil-Junior College. Kors li jwassal lil dawn l-istudenti biex eventwalment huma wkoll jibdew jistudjaw fl-Università ta’ Malta.