Bozza ħamra għall-umanità kollha.
Kien b’dan id-diskors skjett u mingħajr kantunieri li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guteress iddeskriva rapport awtorevoli dwar il-klima.
Dan hekk kif dan l-istess rapport jindika li attività umana madwar id-dinja qed tkompli tibdel il-klima bla preċedent u ħafna drabi wkoll b’mod irriversibbli.
Fost oħrajn dan ir-rapport li sar minn grupp ta’ xjentisti fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda, magħrufa bħala l-IPCC, jinnota kif il-livell tal-ibħra madwar id-dinja ogħla bi tliet darbiet aktar meta mqabbel mal-ewwel sebgħin sena tas-seklu l-ieħor filwaqt li l-aħħar ħames snin kienu l-aktar sħan sa mill-1850 ‘l hawn.
Ir-rapport li ġie ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa jgħid ukoll li hemm tama li t-temperaturi għoljin jerġgħu jistabbilizzaw ruħhom, jekk ikun hemm tnaqqis drastiku fl-emmissjonijiet.
ONE News iltaqa’ mal-Ministru għat-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia sabiex jiddiskuti l-eżitu ta’ dan ir-rapport.
Huwa stqarr magħna: “Il-konklużjonijiet huma r-risposta għal dak li qed naraw illum il-ġurnata, nirien f’diversi foresti madwar il-Mediterran u wkoll pajjiżi lil hinn mill-Mediterran imma wkoll l-għargħar li rajna fix-xitwa li għaddiet u li mistennija naraw fix-xitwa li ġejja.”
Tkellem ukoll dwar l-impenn ta’ Gvern fl-aħħar snin biex ikun minn tal-ewwel li jaġixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Il-Gvern Malti, inkluż il-Gvern li jiena nirrapreżenta għamel diversi skemi u nefaq diversi investimenti fosthom pereżempju fil-pannelli fotovoltajiċi li nsibu fuq is-soqfa tagħna, il-karozzi elettriċi u l-grants li qed nagħtu, is-solar water heaters u heater pumps u oħrajn. Jiġifieri dawn kollha huma inizjattivi inkluż anke fil-bini kif ukoll afforestazzjoni li kellna madwar il-pajjiż f’żoni urbani u anke rurali biex ngħinu nimmitigaw dawn l-emmissjonijiet serra li għandna madwarna.”
Hawn fakkar fil-mira li Malta tkun newtrali mill-emmissjonijiet tal-karbonju sal-2050 b’miri intermedjarji. Dwar dan il-Gvern vara strateġija ċara li riċenti kienet miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, u li issa tinsab f’fażi ta’ konsolidament tal-informazzjoni.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Hemm seba’ setturi: mit-trasport sal-enerġija, mill-bini sal-ilma u kif ukoll l-immaniġġjar tal-iskart. Dawn is-seba’ setturi huma vitali biex naslu li nilħqu l-miri tagħna ta’ 19%. Fuq livell ta’ UE qegħdin ngħidu, għalhekk Fit for 55 Package, għaliex fuq livell ta’ UE irridu 55% inqas emmissjonijiet. Malta trid tnaqqas 19%.”
ONE News tkellem ukoll mal-Ambaxxatriċi Maltija Permanenti għan-Nazzjonijiet Magħquda, Vanessa Frazier.
Hija sostniet l-importanza li l-pajjiżi l-kbar jimpenjaw ruħhom bil-kbir fuq il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.
Frazier saħqet: “Importanti li kulħadd jipparteċipa fiha din u kulħadd jikkommetti għaliha għaliex il-pajjiżi industrijali l-kbar jistgħu jagħmlu d-differenza mhux iż-żgħar biss jiġifieri għalina importanti.”
Frazier ikkonkludiet li dan ir-rapport issa jitfa’ responsabbiltà kbira fuq il-mexxejja dinjin li se jiddiskutu t-tibdil fil-klima fis-summit tal-COP26 li se jsir fi Glasgow f’Novembru li ġej.