L-għada tal-Milied, is-sitta u għoxrin ta’ Diċembru, magħrufa bħala Boxing Day, hija sinonima ma’ bosta affarijiet, fosthom futbol u l-ftuħ tar-rigali, iżda l-oriġini ta’ dan il-jum huwa ferm differenti minn kif din il-ġurnata tiġi ċċelebrata llum.
Din il-festa oriġinat fir-Renju Unit fi żmien ir-Reġina Victoria, li mas-snin inxtredet ma’ pajjiżi oħra, minħabba l-kobor tal-imperu Brittaniku mifrux madwar id-dinja, fosthom anki f’Malta.
Dwar dan il-jum jingħad li fis-seklu dsatax, din it-tradizzjoni bdiet minn kif f’din il-ġurnata s-sinjuri kienu jħallu lis-sefturi jmorru d-dar ħdejn qrabathom, waqt li jagħtuhom kaxxa mimlija affarijiet bħala rigal tal-Milied.
Hu mifhum li s-sefturi kienu jmorru jqattgħu l-ġurnata ma’ familthom u jqassmu l-kaxxa bir-rigali li jkunu rċevew.
Il-knisja wkoll kellha sehem importanti fil-ħolqien tat-tradizzjoni ta’ Boxing Day. Dan hekk kif l-għada tal-Milied kienet tinfetaħ kaxxa ta’ donazzjonijiet miġbura minn nies tal-istess parroċċa biex jingħataw lill-foqra.
F’dan il-jum ukoll il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-ewwel matri San Stiefnu.
Boxing Day saret ukoll sinonima mas-solidarjetà, speċjalment f’pajjiżna, hekk kif f’dawn l-aħħar diċenji, jinġabru l-flus fl-Istrina għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Boxing Day hija magħrufa għad-dilettanti tal-futbol fir-Renju Unit, hekk kif ikun hemm maratona ta’ futbol matul din il-ġurnata.
Mill-aspett kummerċjali, l-għada tal-Milied huwa sinonimu ma’ skontijiet fil-ħwienet, hekk kif dan il-jum jimmarka l-bidu ta’ sales li jibqgħu għaddejjin sa Jannar.