L-aħħar kompetizzjoni tal-Malta Bowling Association għas-sena 2022 kien il-Platinum Cup – kompetizzjoni prestiġjuża li kienet miftuħa lejn il-membri kollha tal-assoċjazzjoni. Ir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni tal-Platinum Cup kienu d-duo mit-tim tal-Ewwel Diviżjoni “Boom”: iż-żagħżugħa ta’ 18-il sena, Ruslana Grima, min-nisa, u Mark Spiteri mill-irġiel, għat-tielet darba fil-karriera tiegħu. Din hija t-tielet darba li Spiteri rebaħ il-Platinum Cup; dan huwa rekord min-naħa tal-irġiel. L-unika persuna oħra li rebħet il-Platinum Cup tlett darbiet hija Sue Abela mill-kategorija tan-nisa.
Wara tnax-il logħba ta’ kwalifikazzjoni, l-aqwa tmien bowlers minn kull kategorija għaddew għall-finali (fażi ta’ round robin) fejn kull finalist jilgħab logħba waħda diretta kontra kull finalist ieħor. Nofs il-pinfall totali mill-kwalifikazzjoni ingħata għal din il-fażi, punti bonus kienu ngħataw lir-rebbieħ/a ta’ kull tlaqqigħ, u r-rebbieħa kienu dawk li spiċċaw din il-fażi bl-iktar punteġġi għoljin wara dawn is-seba’ logħbiet.
Il-finalisti mill-kategorija tal-irġiel kienu: Matthew Magro, Kayden Laganà, Chris Fenech, Mark Spiteri, Kenneth Arpa, Dwayne Zahra, Nicholas Muscat, u Miguel Xuereb. Waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Matthew Magro kkwalifika fl-ewwel post wara li kiser ir-rekord għall-aqwa serje ta’ 12-il logħba fl-istorja tal-assoċjazzjoni. Fl-istess waqt, iż-żagħżugħ Chris Fenech kważi lagħab logħba perfetta ta’ 300 wara li rnexxielu jġib l-ewwel 11-il strike minn tnax; fl-aħħar tefgħa, Fenech waqa’ 8/10 pins biex spiċċa b’skor brillanti ta’ 298.
Mill-kategorija tan-nisa, l-aqwa tmienja kienu: Ruslana Grima, Melissa Swift, Amanda Cini, Cynthia Frendo Duca, Sue Abela, Mia Bugeja, Kathryn Fenech, u Tiziana Carannante. Sfortunatament, Fenech kellha tirtira mill-kompetizzjoni wara l-ewwel fażi, u b’hekk, Donna Vella ħadet postha fil-finali.
Waqt il-finali, Ruslana Grima rnexxielha żżomm l-ewwel post, waqt li Mark Spiteri rnexxielu jaqbeż mir-raba’ post għall-ewwel post f’dawn is-seba’ logħbiet. Grima u Spiteri t-tnejn rebħu 5/7 mill-logħob diretti tagħhom fil-finali. Grima lagħbet b’punteġġ medju ta’ 204.4 waqt li Spiteri lagħab b’punteġġ medju ta’ 225.3 biex rebħu din l-edizzjoni tal-Platinum Cup.
Ir-runners-up kienu d-duo ta’ Tm Brunswick Sue Abela u Matthew Magro, waqt li Melissa Swift u ż-żagħżugħ Chris Fenech spiċċaw fit-tielet post.