Magħżul it-tim nazzjonali ta’ Malta tal-bowling għall-Kampjonati Mediterranji tal-Bowling (MBC) 2022. L-iskwadra hija magħmula mill-atleti li klassifikaw fl-ewwel żewġ postijiet mill-irġiel u nisa wara 24 logħba li ġew imħejjija speċifikament għal dan il-kampjonat prestiġjuż.
Fil-kategorija tan-nisa, l-isfida għall-ewwel post kienet bejn Cynthia Frendo Duca u Melissa Swift. Iż-żewġt atleti kienu għadhom qed jissieltu għall-ewwel post wara it-23 logħba, iżda Frendo Duca giet ikkonfermata bħala r-rebbieħa fl-aħħar logħba tat-turnamet, wara li kisbet distakk żgħir ta’ 17-il pin fuq l-adversarja tagħha. Kemm Frendo Duca u Swift irnexxielhom jgħelbu lil Sue Abela, il-kampjonessa kurrenti tal-Ewropa, li spiċċat fit-tielet post wara wirja rispettabbli. L-iskor medju ta’ Frendo Duca kien ta’ 187.58, filwaqt li dak ta’ Swift kien ta’ 186.88.
Mauro Anastasi u Rankin Luke Camilleri kklassifikaw fl-ewwel u t-tieni post rispettivament fl-aħħar żewġt ijiem ta’ logħob intensivi, fejn baqgħu sal-aħħar. Ir-rebbieħ tal-aħħar ħames kampjonati nazzjonali, Anastasi, kien l-unika plejer f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni li spiċċa bi skor medju ta’ ‘l fuq minn 200, preċiżament bi skor ta’ 203.08. Anastasi wkoll lagħab l-ogħla logħba fil-kompetizzjoni, bi skor impressjonanti ta’ 275. Camilleri spiċċa bi skor medju ta’ 195.21.
Il-Kampjonati Mediterranji tal-Bowling (magħrufa bħala l-MBC) ser isiru f’Ateni, il-Greċja, fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju.
Intant waqt il-laqgha generali annwali tal-assocjazzjoni gie ffurmat il-kumitat ezekuttiv il-gdid. Edward Mifsud huwa l-president il-gdid, b’Ian Vella mahtur vici president.