Wara tlett ijiem u 24 logħob, it-tim nazzjonali ta’ Malta tal-bowling ġie magħżul għall-Kampjonati Mediterranji tal-Bowling (MBC) 2023. L-iskwadra hija magħmula mill-atleti li klassifikaw fl-ewwel żewġ postijiet mill-irġiel u nisa wara 24 logħba li ġew imħejjija speċifikament għal dan il-kampjonat prestiġjuż.
Fost l-irġiel, iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena, Kayden Laganà, beda u spiċċa din il-kompetizzjoni fl-ewwel post fost l-aqwa bowlers irġiel fil-gżejjer Maltin. Laganà spiċċa b’punteġġ medju tremend ta’ 217.46. Mauro Anastasi spiċċa fit-tieni post sabiex jerġa’ jikkonferma ruħu fl-iskwadra ta’ Tim Malta għall-Kampjonati Mediterranji tal-Bowling għal sena oħra konsekkuttiva. Anastasi temm b’skor medju ta’ 215.50.
Fil-kategorija tan-nisa, Sue Abela wkoll żammet ruħha fl-ewwel post mill-bidu sal-aħħar b’punteġġ medju ta’ 200.83 fl-24 logħob ta’ kwalifikazzjoni; hi spiċċat tkun l-unika mara biex tispiċċa b’punteġġ medju fuq 200. F’din il-kompetizzjoni, Cynthia Frendo Duca baqgħet fit-tieni post bl-istess mod. Frendo Duca rnexxielha żżomm postha f’Tim Malta għall-MBC u tispera li terġa tgħin lil Tim Malta tirbaħ medalji dis-sena bħal kif għamlet is-sena l-oħra – fl-MBC tal-2022, hi rebħet midalja tal-fidda ma’ Melissa Swift fl-event tal-Female Doubles.
Il-25 edizzjoni tal-Kampjonati Mediterranji tal-Bowling (MBC) se ssir dis-sena f’San Marino f’Mejju 2023.