Wara kważi xahar sħiħ ta’ waqfien għall-atleti tal-isport tal-Bowling minħabba rinnovazzjonijiet estensivi fl-Eden Superbowl, ir-raba’ edizzjoni tal-MBA Memorial Cup ittellgħet f’dan l-istess kumpless lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu, biex issellem il-memorja ta’ diversi membri passati li ħallew din il-ħajja.
31 kompetituri ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni annwali – 23 irġiel u 8 nisa. Il-kompetizzjoni kienet ibbażata fuq pinfall totali wara 5 logħbiet, inkluż handicap.
Mauro Anastasi rebaħ il-kategorija tal-irġiel b’serje impressjonanti ta’ 1110 u ddedika din il-prestazzjoni lejn zijuh, Silvio Anastasi. Shaun Montanaro kiseb it-tieni post bi skor ta’ 1053 inkluż handicap, waqt li Neil Sullivan spiċċa fit-tielet post b’skor finali ta’ 1031.
Fil-kategorija tan-nisa, iż-żagħżugħa Mia Bugeja kisbet rebħa sorprendenti fuq il-kompetituri tagħha b’serje finali ta’ 985. Il-kampjonessa Ewropeja Sue Abela spiċċat fit-tieni post b’distakk ta’ 19-il pin minn ma’ Bugeja, bi skor finali ta’ 964. Ruslana Grima, żagħżugħa oħra fl-isport tal-bowling, spiċċat fit-tielet post b’total ta’ 923.
Wara din l-edizzjoni, Mauro Anastasi sar l-unika plejer maskili li rebaħ il-Memorial Cup darbtejn, waqt li Mia Bugeja saret l-iżgħar persuna li rebħet din il-kompetizzjoni. Bugeja għad għandha 14-il sena.