Nhar il-Ħadd li ġej fil-Korsa tal-Marsa jingħata bidu għall-aktar kampjonat prestiġjuż u l-akbar unur għat-trot lokali hekk kif l-aqwa 72 żiemel jipparteċipaw f’sitt heats fuq distanza ta’ 2640m.
Bank of Valletta huwa sostenitur kbir ta’ l-isport f’Malta u għal darb’oħra se jkun l-isponsor ewlieni ta’ dan il-kampjonat li huwa meqjus bħala l-akbar unur fil-kalendarju tat-tiġrijiet tal-Malta Racing Club.Dan huwa rifless ukoll fil-fond totali ta’ premjijiet li ser jitqassam fil-finali li ser issir il-Ħadd 28 t’April fejn total ta’ €6550 ser jitqassmu bejn dawk li jispiċċaw fl-ewwel ħames postijiet.
85 sena minn meta Frise Poulet rebaħ l-ewwel edizzjoni tat-Tazza l-Kbira fl-1934, kull Sid u sewwieq jaspira li ismu jitnaqqax fuq dan it-trofew. Il-finali ta’ din is-sena tassigura li ser ikollna żiemel rebbieħ ġdid hekk kif ħadd mir-rebbieħa preċedenti m’hu ser ikun qed jikkontesta l-edizzjoni ta’ din is-sena.
67 żiemel tal-Premier li jinkludu sitta ġodda kif ukoll ħamest iżwiemel tal-Gold nhar il-Ħadd isiru 24 hekk kif l-ewwel 4 minn kull heat jikkwalifikaw għaż-żewġ semi finali nhar l-14 t’April.
Wara s-semi finali s-sidien tat-12 il-żiemel finalist itellaw il-polza huma stess sabiex isiru jafu b’liema numru ż-żiemel tagħhom ser jitlaq wara l-karozza fil-finali. Dan kollu jsir waqt konferenza stampa li fiha wkoll jingħataw l-aħħar dettalji ta’ l-akbar ġurnata fil-kalendarju tat-trott lokali.