“Bħala sieħeb tal-Forum Marittimu Malti minn mindu dan ġie mniedi, ir-relazzjoni tal-Bank of Valletta mal-industrija marittima kienet vitali għall-operat tal-kummerċ kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li huwa tant importanti minħabba l-insularità ta’ Malta’. Dan saħqu Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta waqt laqgħa li ġiet organizzata reċentement tal-Malta Maritime Forum.
Huwa sostna li l-BOV jagħraf it-tradizzjoni twila ta’ servizzi marittimi f’Malta u jfittex li jagħti sehemu billi jagħmel użu mill-għarfien espert tiegħu biex jgħin lill-klijenti sabiex jirnexxu fin-negozji tagħhom relatati mat-tbaħħir. “It-taħlita ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza fi ħdan il-BOV tippermetti lill-Bank jipprovdi soluzzjonijiet ta’ finanzjament imfassla apposta, maħsuba biex jipproteġu l-interess tal-klijenti tagħna u joħolqu valur li jmexxihom għas-suċċess”.
Il-BOV qed iħares dejjem aktar lejn modi kif jiffinanzja prattiċi tat-tbaħħir aktar sostenibbli u favur l-ambjent, bħal bastimenti b’emissjonijiet baxxi, proġetti ta’ retrofitting u appoġġ għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda.
“Bħalissa qed nimbarkaw fuq programm ta’ inizjattivi fuq numru ta’ snin li l-prijorità tagħhom hija li jitnaqqsu emissjonijiet tal-karbonju. Bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija, aħna nkomplu nkunu nvoluti b’mod attiv fl-appoġġ tat-tranżizzjoni għal futur sostenibbli net-zero u nappoġġaw lill-klijenti tagħna fis-settur marittimu bi prodotti ta’ finanzjament innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet”, ikkonkluda s-Sur Farrugia.
F’indirizz qasir, Godwin Xerri, li huwa ċ-Chairperson tal-Forum Marittimu, sostna li l-Forum Marittimu ta’ Malta jirrappreżenta wieħed mill-pedamenti tal-ekonomija Maltija u jinsab kburi jikkollabora ma’ wieħed mill-atturi ewlenin fl-ekonomija lokali – il-Bank of Valletta. “Il-Forum jisfrutta b’mod attiv l-appoġġ u l-kompetenza li saru disponibbli permezz tal-kooperazzjoni tagħna mal-Bank biex isaħħaħ id-disponibbiltà ta’ data u statistika relatata mal-baħar fil-livell lokali kif ukoll biex tiżdied l-espożizzjoni tas-servizzi marittimi offruti barra minn Malta minn kumpaniji bbażati f’pajjiżna. Permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattika, il-Forum jistenna bil-ħerqa li jikkonsolida r-relazzjonijiet bejn il-Bank u l-operaturi marittimi biex b’hekk jiżgura rikonoxximent xieraq għall-kontribut siewi tagħhom għall-ekonomija ta’ Malta.”