Il-Bank of Valletta ddikjara qligħ qabel it-taxxa ta’ erbgħa u ħamsin miljun ewro fl-ewwel nofs tas-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-bank innota li f’dan il-perjodu, id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’mitejn tlieta u għoxrin miljun ewro u issa laħqu l-għaxar punt sitt biljun ewro.
Ir-riżultati finanzjarji tal-bank juri wkoll li dħul baqa’ fl-istess livell tas-sena l-oħra waqt li l-ispejjeż żdiedu b’81 miljun jew 27 fil-mija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Mario Mallia, stqarr, “Il-bank kif għidna qiegħed għaddej minn perjodu ta’ transformation – transformation programme – li hemmhekk jinkludi li noħorġu minn ċerti businesses li huma high risk kif ukoll noħorġu minn ċertu relazzjonijiet ma’ ċerti klijenti li huma high risk. Issa inti meta toħroġ minn ċertu businesses u minn ċertu klijenti, id-dħul ħa jonqoslok ovvjament għax id-dħul ħa jiċkien peró id-dħul aħna żammejnieh fl-istess livell tas-sena l-oħra mija u sebgħa u għoxrin miljun ewro f’sitt xhur. Iġifieri dak id-dħul li aħna li aħna tlifna ħabba de-risking gwadanjajnieh minn sorsi oħra.”
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-aġenzija tal-kreditu Standard & Poor’s li baxxiet il-klassifikazzjoni tal-bank għal BBB minus bi prospetti stabbli, huwa qal li dan kien mistenni.
Mallia saħaq,“Din kienet biex ngħid hekk mistennija għal raġuni li s-sena l-oħra Standard & Poor’s kien poġġa l-bank on negative watch iġifieri bil-probabbilitá kbira li niġu downgraded u filfatt ġejna downgraded. It-tajjeb huwa li r-raġunijiet ta’ Standard & Poor’s għaliex ddowngradejana, aħna diġa’ qegħdin nindirizzawhom u diġa’ qed nieħdu miżuri biex is-sitwazzjoni nsaħħuha u ntejbuha.”
Dwar id-deċiżjoni tal-bank li ma jqassamx dividend lill-azzjonisti tiegħu, is-Sur Mallia qal li l-bank għażel li jkompli jsaħħaħ il-kapital tiegħu.
“Il-bank huwa dak li jgħidulu systemically important institution iġifieri jaffettwa l-istabbilitá finanzjarja tal-pajjiż u allura huwa mistenni mir-regolatur li jkollu kapital ogħla minn banek li mhumiex systemically important. Issa waħda mill-miżuri li jista’ jieħu l-bank biex isaħħaħ l-istabbilitá tiegħu huwa billi jżid il-kapital u waħda mill-miżuri li jista’ jieħu biex iżid il-kapital huwa li l-profitti flok iqassamhom bħala dividend, iżommhom u jerġa’ jinvestihom fil-business u hekk iddeċieda l-bord.” Ikkonkluda l-Kap Eżekuttiv.
Dwar il-kwistjoni tal-corresponding bank, iċ-ċermen tal-bank, Deo Scerri, ħabbar li l-bank Awstrijakk, Raiffeisen Bank International, fetaħ kontijiet f’dollari Amerikani għall-BOV.
Is-Sur Scerri sostna li l-programm ta’ trasformazzjoni se jirriżulta f’Bank aktar b’saħħtu li se jżomm ir-rwol ewlieni tiegħu fil-ġejjieni tal-ekonomija, filwaqt li jipprovdi qligħ xieraq u sostenibbli lill-azzjonisti tiegħu.