Fil-jiem li ġejjin il-Bank of Valletta se jkun qed jaġġorna s-sistemi kollha tal-informatika u se jkun qed joffru servizzi limitati mill-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru sal-Erbgħa l-ewwel ta’ Jannar li ġej.
Ernest Agius, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-bank qal li l-fergħat tal-banek se jkunu magħluqin għan-negozju bejn it-Tnejn 30 ta’ Diċembru 2019 u l-Erbgħa 1 ta’ Jannar 2020, bil-bank mistenni jiftaħ fit-tieni jum tas-sena.
Agius tenna li l-operat tal-ATMs, credit cards u BOV Pay se jibqa’ għaddej b’mod normali kemm f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
“Aħna qegħdin nagħtu servizz sħiħ fejn il-klijent ħa jkollu l-assistenza sħiħa kemm jekk se juża l-cards tiegħu barra minn Malta u kemm jekk se jkunu qed jinxtraw affarijiet minn ħwienet, servizzi online u ristoranti servizz tal-credit cards u BOV Pay se jkunu qegħdin jaħdmu.”
Agius kompla jispjega li mill-ħamsa ta’ waranofsinhar tas-sebgħa u għoxrin ta’ Diċembru, se jiġu sospiżi s-servizzi ta’ depożiti u tranżazzjonijiet bejn il-kontijiet permezz tal-ATMs.
Fit-tmienja u għoxrin tax-xahar, il-fergħat se jkun qed jagħlqu fil-ħdax ta’ filgħodu sabiex it-tekniċi tal-BOV jibdew jinstallaw u jħaddmu s-sistemi l-ġodda fl-intier tagħhom.
Fil-ħamsa ta’ filgħaxija, tat-tmienja u għoxrin ta’ Diċembru ukoll is-sistemi tal-mobile banking u internet banking se jkunu wkoll qed jiġu sospiżi.
Agius kompla jispjega li l-BOV nieda linja tat-telefon u paġna ddedikata fuq is-sit tiegħu għal kull mistoqsija li l-klijenti jista’ jkollhom.
“Irridu ngħidu wkoll li aħna għamilna helpline speċjali li wieħed jista’ jikkuntattja fuq in-numru 21247822 u wkoll għandna lonk ġol-website tagħna u għanda wkoll email speċifiku fejn dawk li jixtiequ jaraw jekk hux milquta jew le jistgħu jieħdu l-informazzjoni neċessarja għas-serħan il-moħħ.”