L-għada li t-Times irrappurtat li ġurnalist tagħha ngħata flus m’għand l-avukat ta’ Yorgen Fenech, Gianluca Caruana Curran, komplew il-botti u risposti bejn id-difiża tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u t-Times.
Fi stqarrija, id-Difiża ta’ Yorgen Fenech qalet li l-ġurnalist tat-Times, Ivan Martin ħa vantaġġ billi penġa lilu nnifsu bħala investigatur interessat li jgħin lil Yorgen Fenech barra x-xogħol tiegħu mat-Times.
Dan ġie miċħud mit-Times, fejn intqal li l-argument tad-Difiża ta’ Fenech, li Ivan Martin mar bħala investigatur privat hija storja li lit-Times ġabitha perplessa.
Id-Difiża ta’ Fenech fissret l-istorja tat-Times bħala attakk fuq l-integrità tagħha.
It-Times sostniet ukoll li Ivan Martin iltaqa’ darbtejn mal-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran, bin Gianella Caruana Curran, li tiġi oħt Mario Demarco.
Intqal li d-difiża ta’ Yorgen Fenech talbet it-tieni laqgħa mal-ġurnalist tat-Times u li l-ġurnalist tat-Times kien informa l-edituri tal-midja li jaħdem magħha u aġġornahom bl-iżviluppi marbuta mal-laqgħat li kellu mal-avukati ta’ Fenech.
L-editur tat-Times, Herman Grech qal li hija stramba li l-avukati jaqbdu u jagħtu karti tal-flus tal-ħames mitt ewro fi tmiem laqgħa mingħajr ma jistennew irċevuta.
Saħaq li jilqa’ l-fatt li l-Kamra tal-Avukati se tkun qed tistudja mill-qrib dan il-każ.
Dwar dan il-każ, anki l-avukati ta’ Fenech laqgħu l-fatt li l-bord għad-dixxiplina u l-etika tal-istitut tal-ġurnalisti Maltin se jkun qed jinvestiga dan il-każ.