It-Tlieta filgħodu l-eks Ministru Nazzjonalista u eks Kummissarju Ewropew, John Dalli, tkellem dwar il-każ li kien wassal biex hu jispiċċa minn Kummissarju Ewropew. Hawn reġa’ ta rendikont ta’ kif, fi kliemu, l-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-korruzzjoni, l-OLAF, intuża biex hu jiġi mġiegħel jirriżenja.
Giovanni Kessler, li kien imexxi l-OLAF, instab ħati minn qrati fi Brussell li interċetta telefonati b’mod illegali bejn John Dalli u l-canvasser tiegħu Silvio Zammit.
U quddiem dawn is-sentenzi, Dalli, li qed jiffaċċja proċeduri fil-qrati Maltin reġa’ tkellem dwar dik li, skont hu, hi l-innoċenza tiegħu. Dan filwaqt li reġa’ kellu kliem iebes għall-eks President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barosso.
Iżda l-aktar li spikka kien meta pponta wkoll lejn l-eks kanvasser tiegħu Silvio Zammit, f’dikjarazzjoni li ġabet reazzjoni minn iben Zammit stess, li qal missieru tressaq il-qorti minflok John Dalli.
Kienu l-ġurnalisti li staqsewh fuq l-eks kollaboratur tiegħu Silvio Zammit.
Zammit, eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, illum mejjet, kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ ta’ allegata korruzzjoni ta’ miljuni ta’ ewro kbar b’rabta mad-direttiva tat-tabakk. L-akkuża kienet li ntalbu l-flus biex tiġi influwenzata din id-direttiva.
Mal-midja, it-Tlieta filgħodu Dalli tkellem dwar l-allegat rwol ta’ Zammit u qal li, fit-telefonati, kien qed jaġġornah biss fuq dak li kien qed jiġri dwar il-politika f’Malta.
Mistoqsi dwar affarijiet li allegament irriżultaw li qal Silvio Zammit, John Dalli tenna li kien Zammit li attribwixxa lilu kliem li ma qalx.
“He had his own plan, I was not part of it absolutely and everything is very clear.”
Dalli qal li dan li qed jgħid hu kkonfermat mill-OLAF fir-rapporti tagħhom. “Ma jitwemmnux,” qal Dalli li nsista li l-OLAF qalet li ma talabx flus.
Iżda t-tifel ta’ Silvio Zammit, illum Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista nnifsu, qal li Dalli ma jafx jistħi.
Zack Zammit kiteb fuq Facebook u qal li ma kienx biżżejjed li missieru baqa’ leali lejn John Dalli sal-aħħar sakemm miet fl-2022.
“Baqa’ qatt ma kixfu. Il-pubbliku għandu jkun jaf li dak kollu li kien ingħad fuq John Dalli dwar it-tentattiv ta’ tixħim tiegħu b’€60 miljun kien minnu. Iva, minnu,” qal Zack Zammit.
U kompla jgħid li missieru kien qal lill-familja kif ġraw l-affarijiet tassew, iżda l-lealtà tiegħu lejn John Dalli wasslitu biex joħroġ għonqu għalih u qatt ma jikxfu.
“Silvio Zammit għadda proċeduri kriminali fuq dan il-każ, minflok John Dalli. John Dalli għandu jkun raġel u jgħid li kien hu li missu għadda proċeduri kriminali u mhux missieri,” qal Zammit li tenna li qatt ma basar li se jasal s’hawn.
Iżda, żied li mhux se jippermetti li John Dalli jħammeġ isem missieru sempliċiment għax mejjet.