Iċ-Ċina mminat l-isforzi tal-Amerka biex tkompli tinvestiga jekk il-virus tal-COVID-19 oriġinax minn laboratorju fiċ-Ċina.
Il-President Amerikan Joe Biden qal li qed jistenna r-riżultati ta’ rapport li sar fuq l-oriġini tal-virus.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina akkuża lill-Istati Uniti b’manipulazzjoni politika u li qed jippruvaw jitfgħu t-tort fuq ħaddieħor.
Iċ-Ċina ċaħdet kwalunkwe akkuża ta’ rabta bejn il-COVID-19 u laboratorju fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan.
L-ewwel każ ta’ COVID-19 instab f’Wuhan lejn l-aħħar tal-elfejn u dsatax, u minn dakinhar, aktar minn mija u tmienja u sittin miljun każ ġew irreġistrati madwar id-dinja, u madwar tliet miljuni u ħames mitt elf fatalità.
Uffiċjali Ċiniżi rabtu l-ewwel każijiet tal-COVID-19 ma’ suq tal-ħut f’Wuhan, b’diversi xjentisti ħarġu b’teoriji li l-virus għadda mill-annimali għall-bnedmin.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li hija kważi impossibbli li l-virus oriġina minn laboratorju, wara li uffiċjali tal-istess għaqda kienu għamlu żjara f’Wuhan aktar kmieni din is-sena.