Ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar ħareġ qatta’ bla ħabel kontra d-deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg.
Cassar, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-establishment Nazzjonalista, f’artiklu t’opinjoni fuq ‘The Malta Independent’ ddeskriva lil Borg, li hu qrib l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, bħala żiemel ta’ trojja. Simili għal kif l-establishment Nazzjonalista kien għajjar lil Delia ftit qabel ma qaċċtuh minn Kap.
Cassar attakka lil Borg għaliex qal li jrid jiġġieled għal Għawdex imma fakkru li hu jagħmel parti minn partit u wissieh biex ma jimminax lil Kap Nazzjonalista u lil ta’ madwaru, anki b’rabta mal-aġir tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.
Filwaqt li kompla jaqbeż għall-esponenti tal-establishment Nazzjonalista, Kevin Cassar qal li Alex Borg mhux qiegħed iżomm postu li jridha tal-‘father of the House’ b’reazzjoni għal meta Borg qal li skuża ruħu mal-Ispeaker f’isem il-Parlament.
Kevin Cassar ikkritika bl-aħrax ukoll lil Borg fuq kif tkellem fuq il-President Amerikan Donald Trump u qallu li messu għandu ġudizzju politiku aħjar peress li hu Membru Parlamentari. Barra minn hekk, sostna kif hu ta’ tħassib li Borg, deskritt bħala ambizzjuż wisq minn Cassar, irid li aktar politiċi jkunu bħal Trump.
Quddiem dan kollu, Alex Borg ħareġ iwieġeb fuq il-midja soċjali tiegħu li qal kif l-opinjoni ta’ Kevin Cassar hija “falza minn fuq s’isfel”. Borg saħansitra żied jakkuża lil Cassar li mhux l-ewwel darba li bl-artikli tiegħu ta’ attakki personali, żergħu l-firda fil-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk, semma’ wkoll kif mhux l-ewwel darba li għajjar lil xi ħadd bħala żiemel ta’ trojja, b’referenza għal kif ġie mgħajjar Adrian Delia.
Alex Borg temm jgħid li skontu l-Partit Nazzjonalista mhux se jaqa’ għan-nassa ta’ Kevin Cassar, minkejja l-qrubija li dan tal-aħħar għandu lejn esponenti li għadhom jiddettaw x’jiġri f’Tal-Pietà.
Sadanittant, id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio li hu mbiegħed mill-establishment Nazzjonalista ukoll ħareġ għonqu għal Borg. Fil-fatt f’post fuq il-midja soċjali tiegħu Giglio kkonferma l-eżistenza tal-fazzjonijiet hekk kif iddeskriva dan kollu bħala “attakki bla sens minn min suppost qed jiġbed l-istess ħabel bħalna”. Ftit tal-ħin wara li telgħet din il-post Borg mar jirringrazzja lil Giglio fil-kummenti.