Hekk kif ħafna nies ħa joqgħodu fi djarhom matul żmien il-festi minħabba l-pandemija, għal dan iż-żmien maġiku, l-istazzjon tal-ONE ħa jkun qed jippreżenta bosta programmi ta’ interess għal dawk kollha li se jkunu qegħdin isegwu mill-kumdità tas-sufan jew f’soddithom.
F’jum il-Milied, it-telespettaturi jistgħu jibdew il-ġurnata b’quddiesa minn Fr Lousi Mallia filwaqt li Wayne Aquilina u l-mistiedna tiegħu se jżommulna kumpanija f’dan il-jum speċjali permezz ta’ edizzjoni speċjali ta’ Espresso.
Ftit qabel nofsinhar, ONE se jingħaqad mal-Vatikan fejn insegwu l-‘Urbi Et Orbi’ tal-Papa Franġisku.
Fil-Milied ONE se jxandar ukoll id-dramm klassiku ta’ Otello.
Fl-ewwel tas-sena, imbagħad ONE se jerġa’ jxandar l-‘Urbi Et Orbi’ tal-ewwel tas-sena u għall-ikla ta’ nofsinhar se jkun hemm il-kunċert ta’ Andrea Boccelli ta’ kumpanija.
Ma jistax jonqos li l-għada tal-Milied fuq ONE tista’ ssegwi l-maratona tal-Istrina b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund u fl-ewwel jum tal-elfejn wieħed u għoxrin issegwi l-festa ta’ ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza.
Ma jistax jonqos li lejliet l-ewwel tas-sena, ONE se jxandar b’mod id-dirett iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt, li fihom se nilqgħu s-sena l-ġdida b’differenza.
F’dawn iż-żminijiet ta’ festi, ONE se jippreżenta wkoll drama ġdida bl-isem ta’ L-Iskwarda Sigrieta tan-nannu Ton filwaqt li nhar it-Tnejn li ġej fid-disgħa u kwart ta’ filgħaxija, it-taqsima tal-aħbarijiet, ONE News se tippreżenta ‘Elfejn u għoxrin, Dak li sawwarha’.
F’dan il-programm, il-ġurnalist Colin Deguara, b’filmati ta’ Shaun Cucciardi u muntaġġ ta’ Quillan Demicoli se jħarsu lura lejn l-aħbarijiet lokali u barranin li ddominaw din is-sena.