Il-Ħadd reġgħu fetħu l-każini taħt il-kontroll ta’ numru ta’ miżuri biex tipprevjeni t-tixrid tal-Covid-19.
ONE News żar żewġ lokalitajiet biex jara l-andament ta’ dan il-jum wara li l-każini kienu fost dawk li l-aktar intlaqtu mill-miżuri marbuta mal-pandemija.
Fil-fatt, f’Ħal Għaxaq Marvic Abela, il-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, stqarr li dan il-jum kien ilu mistenni.
“Ilqajna b’sodisfazzjon kbir dan il-mument ħa ngħidu hekk. Jien naħseb li mhux aħna biss bħala Għaxqin, viċin tagħna hawn Ħal Tarxien ukoll u l-lokalitajiet kollha ħa ngħid hekk ta’ madwar Malta u Għawdex, il-każini kollha li kienu qed jistennew illi jiftħu wara tmien xhur magħluqin u ħadd ma’ seta’ jattendi ġewa l-każin.”
Spikkat it-tbissima fost dawk preżenti li tqarru magħna b’sens ta’ ferħ li qed iħossuhom kuntenti li reġgħu lura fuq il-mejda tal-każin.
“Għalina, għalina l-Ġużeppini hija rebħa kbira għaliex wara dan iż-żmien kollu bis-sede tas-soċjetà magħluqa, illum erġajna ħadna l-ħajja grazzi għad-deċiżjoni li ħa l-Gvern.”
“Issa għall-inqas konna għaddejjin minn ġo mina ħlief dlam ma kienx hemm għad-dinja kollha, issa fl-aħħar mill-aħħar qed naraw id-dawl u gawdu l-festa kif nistgħu. Nobdu r-regolamenti, ovvja.”
“Kuntenti ħafna, nirringrazzjaw lill-Gvern li tana din l-opportunità u j’alla l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif inhuma.”
It-Tarxiniżi sibnihom jiċċelebraw il-festa ta’ Maria Annunzjata. Tkellimna ma’ membru tal-għaqda soċjali madonna tad-duttrina f’Ħal Tarxien li fissilna dan il-jum għall-għaqda soċjali.
“Re-opening terġa’ tgħid bil-kbir għax nerġgħu nibdew niltaqgħu flimkien, hemm nies allavolja mir-raħal stess kważi kważi ili xhur sħaħ ma narahom fejn issoltu niltaqgħu kuljum hawn.”
Dawk preżenti qalulna l-ftuħ tal-każini kienet deċiżjoni għaqlija.
“Wara ġimgħa ta’ xogħol dak li jkun, imur jagħmel siegħa mal-ħbieb jieħu birra u jien fil-każ tiegħi ilma, naħseb li tiltaqa’ u tgħid kelma ħaġa sabiħa.”
“Illum qed inħossni qiegħed home issa. Qabel qisek kulma tagħmel tagħmlu bil-kuntrabandu… Jien membru hawnhekk, tidħol hawnhekk tkun sitta min-nies bilkemm ta’ tiddejjaqx naqra’ ħabba s-sitwazzjoni kif kienet.”
“Naħseb li kienet deċiżjoni għaqlija.”
U qabel tlaqna kellhom biss messaġġ wieħed x’jgħaddu.
“Nixtieq minn hawn nappella kemm jista’ jkun kulħadd iżomm mal-miżuri ħalli ma jbati ħadd u nibqgħu kemm jista’ jkun għaddejjin indawru din ir-rota.”
“Nitlob, ngħaddi parir biex kulħadd joqgħod attent, inżommu mal-miżuri ħalli għall-inqas nibqgħu miftuħin mhux jiġrilna forsi xi ħaġa u jkollna nerġgħu ngħalqu l-bibien tagħna.”