Bejn it-13 u l-15 ta’ April fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq sar it-30 Easter International Swimming Meeting. B’kollox kien hemm parteċipazzjoni sabiħa ta’ 325 għawwiem minn sitt klabbs barranin u 11-il klabb lokali.
L-avveniment serva ta’ preparazzjoni għall-kompetizzjonijiet internazzjonali importanti li se jkollhom l-għawwiema maltin fix-xhur li ġejjin.
Il-president tal-ASA Karl Izzo kellu kliem ta’ tifħir għall-organizazzjoni, parteċipazzjoni u anke riżultati miksuba.
Filfatt kien hemm riżultati impressjonanti b’bosta rekords tal-Easter Meeting li ġew miksura.
Fost riżultati li spikkaw kien hemm Matthew Satariano li kiseb ħin rekord ta’ 55.35 fil-100m Freestyle. Kien hemm ukoll Dylan Cachia li għamel ħin ta’ 8:25.76 fit-800m Freestyle.
Il-ġermaniż Alexander Gening kellu prestazzjoni sabiħa b’rekord ġdid fil-50m Breaststroke b’ħin ta’ 30.21.
Fost l-għawwiema nisa Alisa Camilleri kellha rekord ġdid ta’ 38.78 fil-heats tal-50m Breaststroke.
Michela Portelli spikkat fil-50m Butterfly u 100m Butterfly b’rekords ġodda kemm fil-heats u anke fil-finali.