L-aħbar li l-pjattorma diġitali ta’ Twitter se tinxtara mill-imprenditur biljunarju Elon Musk għall-prezz ta’ erba’ u erbgħin biljun ewro ntlaqgħet b’reazzjonijiet diversi minn bosta li jsegwu l-iżviluppi fid-dinja diġitali.
Twitter mhuwiex l-akbar pjattaforma fl-industrija, b’madwar mitejn u għoxrin miljun persuna li jagħmlu użu minnu ta’ kuljum meta kkumparat ma’ aktar minn biljun u nofs utent ta’ Facebook.
Minkejja dan, Twitter jippreżenta lilu nnifsu bħala l-pjattaforma ewlenija għall-aħbarijiet mill-ewwel u huwa użat minn fost l-aktar persuni influwenti, minn politiċi sa ġurnalisti sportivi.
Elon Musk, li huwa wkoll il-moħħ wara s-suċċessi tal-kumpaniji Tesla u SpaceX, stqarr li permezz tax-xiri ta’ Twitter se jkun qed jagħmlu bastjun tal-ħsieb ħieles.
Madanakollu, din l-istqarrija ma niżlitx tajjeb fid-dawl li l-Unjoni Ewropea qed timbotta għal aktar responsabbiltà għal dak li jixxerred fuq tali pjattaformi u fid-dawl tal-atteġġjament ta’ Musk fuq Twitter fil-passat.
Martin Debattista, li hu espert fit-teknoloġija u lettur fil-qasam, spjegalna kif l-aħbar se tkun qed tolqot lid-dinja diġitali.
Debattista nnota r-reazzjoni ta’ wħud dwar kif l-istqarrija ta’ Musk tista’ timpatta l-konetut li jkun qed jixxandar fuq il-pjattaforma.
Qal, “Diġà kien hemm min qed jgħid – isma’, id-direzzjoni ħa tkun li ħa jkun aktar miftuħ u ħa jkun hemm inqas ċensura, per eżempju. Imma dan ħa jfisser li ħa jkollna iktar ‘fake news’ fuq it-Twitter milli kellna qabel. Dawk il-miżuri li ttieħdu minħabba l-‘fake news’ li kien hemm, il-miżinformazzjoni kbira li kien hemm fuq il-midja soċjal:. dawn il-miżuri se jitneħħew? Mhux se jibqgħu jittieħdu? Dawn huma mistoqsijiet leġittimi li inti tagħmel meta jkollok sit ġdid ta’ kumpanija bħalma hi Twitter.”
Martin Debattista esprima interess b’mod partikolari f’x’se jkun qed jiġri mill-eks-President Amerikan Donald Trump, li ġie mwaqqaf milli jagħmel użu mill-istess pjattaforma.
Rigward il-leġiżlazzjoni mbuttata min-naħa tal-Unjoni Ewropea, Debattista tkellem dwar kif il-kontabbiltà hija ta’ prijorità, b’multi kbar f’każ li l-azzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji ma jimxux mal-liġijiet li huma suġġetti għalihom.
Qal, “Fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea din hija inizjattiva importanti ħafna, imma mhuwiex daqshekk faċli li inti ssib il-bilanċ, għax fejn ħa tagħlaq xi mkien inti tista’ wkoll taffettwa ħażin lil min ġenwinament jixtieq juża l-mezzi tax-xandir.”
Debattista għalaq b’appell li, lil hinn minn min hu s-sid tal-pjattaformi li wieħed juża, għandu dejjem jipprattika l-kawtela fil-kontenut li jikkonsma.