Il-mexxejja Ewropej baqgħu jintroduċu bosta restrizzjonijiet fid-dawl ta’ żieda enormi fil-każijiet tal-varjant Omicron.
Għal dan, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qalet li din is-sitwazzjoni hija inkwetanti u li tista’ twassal għall-kollass tas-sistemi tas-saħħa f’xi pajjiżi.
Il-Ġermanja ħabbret li fost l-oħrajn mit-tmienja u għoxrin ta’ Diċembru se tagħlaq l-istabbilimenti tad-divertiment u li l-logħob tal-futbol se jintlagħab wara l-bibien magħluqa.
Fil-Portugall, il-Gvern ordna l-għeluq tal-bars u l-istabbilimenti ta’ divertiment mill-għada tal-Milied, filwaqt li eluf ta’ ħaddiema huma obbligati jaħdmu mid-dar sad-disgħa ta’ Jannar.
Fuq barra l-gruppi ta’ nies jistgħu jkunu sa għaxar persuni.
Aktar restrizzjonijiet ġew introdotti fil-Finlandja, bil-bars u r-ristoranti jridu jagħlqu fl-għaxra ta’ bil-lejl f’lejlet il-Milied.
Dan filwaqt li mit-28 ta’ Diċembru, għal tliet ġimgħat sħaħ, dawn iridu jagħlqu fis-sitta ta’ filgħaxija.
Miżuri simili ġew imħabbra mill-Gvern Żvediż.
S’issa l-Ewropa ġa rat 89 miljun ta’ każ pożittiv u miljun u nofs mewta relatata mal-Covid-19.