Il-vetrini tal-ħwienet armati bil-qlub u l-kulur aħmar jispikka hekk kif il-ġimgħa d-dieħla jiġi ċċelebrat jum il-maħbubin.
Dorna dawra sa Strada Rjali l-Ħamrun fejn mhux biss hemm numru ta’ ħwienet li minnhom tista’ tixtri xi rigal imma wkoll anke t-triq hija mżejna bid-dwal għall-okkażjoni.
“Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, l-aktar rigali li jibqgħu popolari huma pupi”, hekk saħqu magħna bejjiegħa li tkellmu magħna.
Fil-fatt dan huwa evidenti hekk kif l-ixkafef huma l-aktar mimlija b’pupi.
U ġeneralment, in-nisa jaħsbu aktar biex jagħtu rigal lis-sieħeb jew sieħba tagħhom.
“In-nisa l-aktar, imma mbagħad l-irġiel aktar imorru għas-soft toys aktar kbar. In-nisa normalment jixtru soft toys żgħar u s-single flower”
Waħda mill-bejjiegħa qaltilna li minkejja li l-pupi huma fost il-favoriti, dawk li huma aktar imdaħħla fiż-żmien jagħżlu li jagħtu xi flixkun fwieħa jew mug b’xi messaġġ ta’ mħabba fuqu bħala rigal.
Imbagħad iż-żgħażagħ jagħtu inkwadru li fih jitfgħu memorja mal-persuna li tant iħobbu.
U hekk kif ninsabu ġimgħa ’l bogħod minn jum San Valentinu, uħud diġà bdew jixtru rigal u anke kartolina.
“Diġà bdew jiġu jixtru mhux ħażin, imma dak li jkun abbli hawn min iħalli għall-aħħar jiġifieri issa naraw aktar ’il quddiem”
Iżda l-maġġoranza jħallu għall-aħħar.
Fil-fatt, it-tliet bejjiegħa li tkellimna magħhom qed jistennew li tmiem il-ġimgħa li ġej ikun aktar bieżel.