Hekk kif ftit tal-jiem oħra eluf ta’ studenti u edukaturi se jirritornaw lura lejn l-iskola jew istituzzjonijiet edukattivi oħra, Transport Malta nediet pjan biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku matul l-aktar ħinijiet kritiċi tal-ġurnata.
Waqt sessjoni mal-ġurnalisti intqal li b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fosthom Pulizija, Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali biex mhux biss li jitnaqqas il-ħin ta’ stennija fit-traffiku imma wkoll biex jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia spjega li fost l-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdu kienu li b’effett immedjat ġew imwaqqfa kwalunkwe permessi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq li huma qrib l-iskejjel jew toroq maġġuri li jista’ jkollhom effett fuq it-traffiku kemm f’raħal partikolari u anka f’toroq maġġuri f’pajjiżna fl-aktar ħinijiet kritiċi mis-sitta ta’ sad-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
Ma’ dan Transport Malta qed tikkonsulta mal-kunsilli lokali biex ma jkunx permessibli li jkun hemm toroq magħluqin minħabba lifters jew crains li jkunu ta’ żgombru fit-toroq fl-aktar ħinijiet kritiċi.
Intqal li sar ukoll xogħol ta’ aġġustament f’diversi postijiet, li mhumiex maġġuri imma kruċjali.
Mill-ġimgħa d-dieħla wkoll se jkun hemm ħamsa u ħamsin uffiċjal tat-traffiku bejn is-sitta u l-għaxra ta’ filgħodu f’diversi junctions tat-traffiku.
Dawn se jkunu f’postijiet partikolari biex jimmaniġjaw it-traffiku.
Se jkun hemm ukoll għaxar uffiċjali oħra li se jkunu qed iduru mat-toroq f’pajjiżna biex anka f’każ ta’ aċċident, jintervjenu mill-aktar fis possibbli.
Transport Malta se tkun qed tipprovdi wkoll servizzi ta’ Tow Truck bla ħlas f’każ ta’ vetturi wieqfa fit-toroq.
Ġie rrimarkat li jekk xufiera ma jimxux mal-liġijiet tat-toroq Maltin, se jkunu qed jittieħdu l-passi meħtieġa bil-liġi.
Se jkun hemm mezzi avvanzati bħal apps biex Transport Malta jikkomunika aħjar man-nies bi tliet binarji partikolari fosthom aġġornamenti tat-traffiku fuq ir-radju, fuq il-midja soċjali u kampanji edukattivi.