Lejlet sena skolastika ġdida, il-Gvern qed jieħu bosta miżuri sabiex itaffi d-diffikultajiet taż-żieda fl-utenti tat-toroq li naraw waqt il-peak hours filgħodu u waranofsinhar f’dawn iż-żminijiet.
Hekk kif eluf ta’ studenti jirritornaw għall-iskola wara l-vaganzi tas-sajf, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qiegħed jimplimenta numru ta’ inizjattivi infrastrutturali u operazzjonali sabiex inaqqas l-impatt ta’ din iż-żieda fl-utenti tat-toroq.
Nhar it-Tnejn li ġej, Transport Malta ser tkun qed iżżid in-numru ta’ uffiċjali tal-infurzar stazzjonati f’ħoloq importanti madwar pajjiżna sabiex jiggwidaw it-traffiku u jagħtu assistenza immedjata f’każ ta’ diffikultà. Il-Ministeru u Transport Malta qegħdin ukoll iżommu kuntatt kontinwu mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Pulizija u LESA sabiex jikkoordinaw it-trasport tal-iskejjel u l-operazzjonijiet tan-network tat-toroq għal aktar effiċjenza.
Transport Malta ser tkun ukoll qed tagħmel monitoraġġ tat-toroq mill-control centre, u ġie mħejji numru ta’ emerġenza – 8007 3399 – sabiex tingħata għajnuna immedjata lis-sewwieqa li jkollhom xi diffikultà, permezz ta’ tow trucks li se jkunu stazzjonati f’reġjuni differenti. Dan is-servizz b’xejn ġie mħejji bl-għan li jnaqqas l-impatt tal-konġestjoni li tkun kawża tal-inċidenti u diffikultajiet oħra.
Sabiex l-ostakli jkomplu jitnaqqsu, il-Kunsilli Lokali ġew iggwidati biex ma joħorġux permessi għall-għeluq ta’ toroq, anke jekk parzjalment, waqt il-peak hours bejn is-07:00am u d-09:00am. Xogħol għaddej fit-toroq – bħat-tisqija ta’ fjuri u siġar fit-toroq – ukoll mhux permess waqt dawn il-ħinijiet.
Transport Malta nediet ukoll kampanja edukattiva li tinkludi serje ta’ videos, posters, u avviżi fuq ir-radju, bl-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq, ittejjeb l-atteġġjament tas-sewwieqa u tnaqqas il-konġestjoni. L-ewwel video f’din il-kampanja jindirizza l-inċidenti bumper to bumper. Inċident żgħir f’nofs ta’ triq jista’ jikkawża kju twil u jqajjem ansjetà bla bżonn f’sewwieqa oħra. Il-video juri b’mod ċar il-proċedura li s-sewwieqa għandhom jieħdu f’sitwazzjoni bħal din, li tibda billi jċaqalqu l-karozzi fi spazju miftuħ fejn ikunu jistgħu jimlew il-formola mingħajr ma jfixklu vetturi oħra. L-imblukkar tat-triq huwa offiża, u uffiċjali tal-infurzar jistgħu jagħtu ċitazzjoni ta’ €100. Transport Malta ħarġet ukoll riklami tar-radju u posters diġitali biex tagħti tagħrif dwar il-proċedura korretta f’każ ta’ inċident bumper to bumper jew f’każ ta’ bżonn tas-servizz ta’ towing f’emerġenza.
Apparti dan, Transport Malta qed taħdem viċin ħafna mal-app u l-paġna ta’ Facebook, Maltese Roads Traffic Updates. L-uffiċjali fil-control centre tat-traffiku ser ikunu qegħdin jagħmlu monitoraġġ tar-rapporti li jidħlu mill-app u, fejn possibbli, jibagħtu uffiċjali fuq il-post. L-uffiċjali se jkunu wkoll qegħdin jimmarkaw postijiet fejn ikunu għaddejjin xogħlijiet, jew fejn hemm xi imblukkar, fuq il-mappa, sabiex is-sewwieqa jippreparaw aħjar il-vjaġġ tagħhom. Ser ikunu wkoll qed jibagħtu avviżi ġenerali permezz tal-app f’każ ta’ xi inċident jew devjazzjoni maġġuri. Infakkru lis-sewwieqa sabiex jużaw din l-app biss fl-ippjanar tal-vjaġġ tagħhom waqt li l-magna tal-karozza hija mitfija, sakemm ma jkunux qegħdin jużawha biss il-passiġġieri.
L-Awtorità investiet ukoll b’mod estensiv fis-sezzjoni tal-infurzar tagħha. B’hekk, ġie iffurmat team ta’ invervent rapidu. Uffiċjali fuq il-muturi jkunu jistgħu jilħqu nħawi fejn ġara xi inċident, irrispettivament mit-traffiku. L-uffiċjali jġorru fuqhom formoli tal-bumper to bumper, sabiex l-ostakli fit-toroq jitneħħew aktar malajr. Huma jistgħu ukoll jiddevjaw it-traffiku minn junction aktar kmieni fejn dan huwa possibbli.
Apparti dawn il-miżuri operazzjonali, il-Ministeru għaddej ukoll b’ħidma biex jintroduċi numru ta’ investimenti fuq terminu ta’ żmien qasir, medju u oħrajn aktar fit-tul, sabiex tittejjeb il-kwalità tan-netwerk tat-toroq, tiżdied is-sigurtà u jitnaqqsu l-inkonvenjenzi tat-traffiku fuq l-utenti tat-toroq, ir-residenti u l-ambjent. ’Il fuq minn 25 proġett inbdew dan is-sajf bl-għan li jittejbu junctions kruċjali u jinbnew mill-ġdid numru ta’ toroq. Investimenti oħrajn, li jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla (Taċ-Ċawsli) f’Ħaż-Żabbar, it-titjib ta’ żewġ roundabouts f’Ħal Qormi, it-twessiegħ ta’ Triq Buqana bejn ir-Rabat u l-Mosta u t-twessiegħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, huma kollha ppjanati għall-implimentazzjoni fix-xhur li ġejjin u fl-2018.
Il-Gvern huwa wkoll kommess li jnaqqas id-dipendenza fuq karozzi privati, billi jinkoraġġixxi l-użu ta’ modi alternattivi tat-trasport, inkluż it-trasport pubbliku. Bħalissa qegħdin jitħejjew pjanijiet u għaddejjin studji dwar l-introduzzjoni ta’ mass rapid transport system ġdida.