F’manuvra meqjusa bħala inumana, il-lejl li għadda r-Russja attakkat bil-missili bosta binjiet residenzjali fil-belt ta’ Kryvyi Rih, fiċ-ċentru tal-Ukrajna.
Ritratti u filmati ppublikati fuq il-midja soċjali wrew, fost l-oħrajn, blokka appartamenti ta’ ħames sulari u li fiha kienu jgħixu għexieren ta’ nies, tintlaqat minn dan l-attakk.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li hemm bosta mejta u midruba u oħrajn li għadhom maqbuda taħt it-tiġrif tal-bini.
Intant, qed jiġi rrappurtat li ġeneral Russu li kien qed imexxi t-truppi Russi fin-Nofsinhar tal-Ukrajna nqatel f’attakk bil-missili. Wieħed mill-aktar bloggers prominenti Russi qal li huwa nqatel meta t-truppi tal-Kremlin kienu sfurzati jirtiraw min-naħa t’isfel ta’ Donetsk, fejn l-Ukrajna lliberat numru ta’ rħula bħala parti mill-kontro-offensiva tagħha kontra l-okkupazzjoni.