Il-Ġimgħa filgħodu ajruporti, negozji, kumpaniji u stazzjoniiet tal-ferroviji madwar id-dinja esperjenzaw kaos sħiħ wara li s-sistemi tal-operat tagħhom waqfu ħesrem.
Din il-ħsara fis-sistemi onlajn, affettwat l-operat anke tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fost l-oħrajn, fejn fi stqarrija ntqal li dan il-qtugħ affettwa t-titjiriet u kawża t’hekk kien hemm dewmien fit-titjiriet skedati.
Dan wassal għal bosta passiġġieri maqbudin fl-Ajruport Malti jistennew li kollox jiġi lura għan-normal.
Jirriżulta li din is-sitwazzjoni, li affettwat diversi pajjiżi, wasslet biex aktar minn elf u erba’ mitt titjira tħassru. Fl-Istati Uniti tal-Amerka biss it-tliet linji tal-ajru l-kbar, il-United Airlines, id-Delta Airlines u l-American Airlines, taw struzzjonijiet biex l-ajruplani ma jtirux.
Ir-Ryanair, li hi l-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa u hi bbażata f’pajjiżna, ukoll qalet li l-ħsara fis-sistema wasslet għal dewmien kbir fit-titjiriet u appellat lill-klijenti biex jiċċekkjaw b’mod kontinwu aġġornamenti dwar it-titjira tagħhom.
Bosta stazzjonijiet tal-ferroviji fir-Renju Unit ukoll ma setgħux joperaw minħabba l-ħsara u bosta rotot kellhom jitħassru.
Jidher li l-ħsara affettwat ukoll l-Awstralja fejn anke ħafna ħwienet ma setgħux ibiegħu l-prodotti minħabba l-użu tal-istess sistema tal-Microsoft.
ONE News tkellem mal-akkademiku u riċerkatur dwar it-teknoloġiji diġitali, Martin Debattista, li spjegalna kif żvolġiet is-sitwazzjoni u spjega li dan il-kaos żviluppa minħabba software update li kien qed isir mill-kumpanija tas-cybersecurity Crowdstrike u li affettwa l-kompjuters li joperaw bis-sistema Microsoft.
Hu tenna li bid-dipendenza qawwija li l-bniedem għandu fuq it-teknoloġija llum il-ġurnata, id-dinja kollha ġiet affettwata.
“Dan kollu kien ikkawżat minn update ta’ software ta’ kumpanija li tagħti servizzi ta’ sigurtà lil kumpaniji tal-kompjuters u l-aktar li ntlaqtu kienu l-kompjuters li jużaw is-sistema tal-Microsoft Windows. U peress li s-sistemi tal-Crowdstrike jintużaw mill-kumpaniji l-kbar, fosthom mill-kumpaniji tal-ajru, kumpaniji involuti fit-trasport u fit-turiżmu. Dan ovvjament laqat ħażin lid-dinja kollha.”
Martin Debattista wkoll wissa li hu importanti li, kull min juża s-servizzi tal-Microsoft u qiegħed jiġi affettwat, għandu joqgħod b’seba’ għajnejn u jieħu struzzjonijiet biss minn siti uffiċjali tal-aħbarijiet tal-Microsoft u mhux mill-ewwel ħaġa li jsib quddiemu.
“Dawk li jixtiequ jagħmlu l-ħsara, dawk li jixtiequ jisirqu l-flus, jibdew jgħidu fuq l-internet li għandhom is-soluzzjoni għal dan il-kaos kollu u dak li jkun, mingħajr ma jiċċekkja, jaqbad u jinstalla u b’hekk mingħalih qed jagħmel il-ġid, imma fil-fatt ikun qed jagħmel xi ħaġa tad-deni. Jiġifieri qabel tibdew tinstallaw xi ħaġa, xi informazzjoni li taf lilkom, taslilkom xi notifika, xi imejl, oqgħodu attenti u ċċekjaw! Jekk għandkom dubju, agħmlu pass lura u ħallu lil xi ħadd li jifhem fil-kompjuters biex jagħtukom parir huma.”