Xahrejn ‘il bogħod mindu r-Renju Unit iqatta’ għal kollox il-karti minn mal-Unjoni Ewropea bosta kumpaniji Ingliżi jinsabu attivi ferm biex jiftħu fergħat ġodda f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Bosta analisti ekonomiċi jsostnu li din hija xi ħaġa naturali biex b’hekk dawn il-kumpaniji jżommu l-aċċess għas-suq waħdieni tal-Unjoni Ewropea.
Malta tinsab ma’ ta’ quddiem nett fejn jidħol dan u jixhdu dan il-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit Joseph Cole.
Joe Cole stqarr “Fost pajjiżi oħrajn tal-EU hemm ċertu kumpaniji li qed iħarsu lejn Malta biex jittrasferixxu parti mill-business tagħhom mill-Ingilterra għal Malta biex b’hekk ikollhom aċċess għas-single market through pajjiżna”.
Joseph Cole li ilu żmien twil jindokra r-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ Malta ma’ bosta pajjiżi oħra sostna li jinsab immeraviljat bin-numru kbir ta’ kumpaniji Ingliżi interessati f’pajjiżna.
Jgħid li dawn il-kumpaniji jiġu b’mistoqsijiet differenti għand il-Kummissjoni Maltija f’Londra.
“Ngħinhom billi nispjegawlhom eżattament x’inhuma l-policies tagħna, that we are open for business, il-vantaġġi li toffri Malta, il-flessibiltà tal-ħaddiema Maltin, il-bi-lingual tal-ħaddiema tagħna li jistgħu jitkellmu bl-Ingliż, bil-Malti, Taljan, Franċiż whatever lingwa, l-infrastruttura tal-IT li għandna tajba ħafna Malta.”, tenna jgħid Cole.
F’Londra, il-Kummissarju Għoli jisħaq li Malta ma tattirax biss il-kumpaniji Ingliżi għax hija sempliċiment stat membru.
Cole temm jgħid li “Qed iħarsu lejna naħseb mhux biss bħala pajjiż tal-EU li jistgħu jkollhom aċċess għas-single market imma wkoll meta jibdew iħarsu lejn is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna jħossuhom komdi illi jersqu lejna u jinvestu f’pajjiżna.”
Is-setturi li qed iħarsu lejn Malta huma diversi u jinkludu l-oqsma tas-saħħa, I-igaming, l-informatika u anke dawk li għandhom x’jaqsmu max-xjenza robotika.