F’Għawdex, il-maġġoranza tan-nies mill-komunità LGBTIQ iħossuhom skomdi sabiex juru x’inhi s-sesswalità tagħhom fil-pubbliku.
Dan propju ħareġ minn studju li sar mill-għaqda LGBTI+ Gozo fost sebgħa u ħamsin parteċipant Għawdxi u 12-il Malti jew barrani li qed jgħixu f’Għawdex.
L-istudju juri kif 64% tal-parteċipanti qalu li jħossuhom skomdi juru s-sesswalità tagħhom minħabba bosta fatturi.
L-aktar raġuni komuni hija n-nuqqas ta’ appoġġ mis-soċjetà, fosthom mill-familja tagħhom stess. Raġunijiet oħra huma l-istigma u l-mentalità tan-nies.
77% tal-parteċipanti qalu li jħossu li s-sitwazzjoni f’Għawdex hija totalment differenti minn Malta.
Fl-istudju, il-parteċipanti qalu kif l-edukazzjoni hija fundamentali sabiex fil-gżira Għawdxija jkun hemm sens ta’ aċċettazzjoni.
Bosta persuni li kienu fil-fażi li juru s-sesswalità tagħhom mal-oħrajn, qalu li kellhom ifittxu għajnuna jew terapija ta’ professjonisti.
L-età medja tas-57 parteċipant kienet dik ta’ tletin sena, li l-maġġoranza tagħhom ħassuhom komdi juru s-sesswalità tagħhom fl-età ta’ għoxrin sena.
L-istudju juri wkoll kif il-Covid-19 ħalliet impatt negattiv fuqhom, fejn tnejn u disgħin fil-mija qalu li l-pandemija ħalliet effett fuq is-saħħa mentali tagħhom.