F’ġurnata b’xemx tiżreġ, eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin irħewlha lejn il-Park tas-Salina għal attività ambjentali bl’isem ta’ ‘Wirt in-Natura’.
Fost id-diversi attivitajiet, kien hemm logħob għat-tfal, wirjiet, sessjonijiet ta’ tħawwil ta’ pjanti, mużika u ħafna iktar fejn kemm il-kbar kif ukoll iż-żgħar setgħu jgawdu lil xulxin.
Preżenti kien hemm ukoll diversi entitajiet ambjentali u kif kulħadd jistenna, gabbani tal-ikel ma naqsux.
ONE News niżel sa San Pawl il-Baħar fejn kien hemm bosta bi tbissima fuq fommhom, li qalu kemm qed jieħdu pjaċir li għandhom spazju ieħor fejn it-tfal tagħhom jistgħu jagħmlu xi ħaġa differenti minn tas-soltu.
Bosta saħqu wkoll kemm huwa importanti li jkun hawn mezzi ta’ informazzjoni dwar kif pajjiżna qed jieħu ħsieb l-ambjent.
Tfal ċkejkin ukoll tkellmu magħna dwar ġurnata ddominata minn diversi logħob u attivitajiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul esprima s-sodisfazzjon li tara l-familji jgawdu n-natura u jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Qal, “Kuntent ħafna li qegħdin naraw it-tfal, il-familji tagħna f’wieħed mill-parksis-sbieħ li għandna f’pajjiżna għaliex huwa hekk kif nuru is-sabiħ ta’ pajjiżna u sabiħ ħafna li naraw ħafna attività għaddejja minn entitajiet differenti li qed juru dak kollu li qed nagħmlu għall-ambjent Malti.”