Kien mat-tokki tat-tlieta ta’ waranofshinar, li f’xemx tiżreġ deher il-ħelikopter tal-Forzi Armati jtajjar il-bandiera Maltija fl-isfond tal-innu Malti fl-inħawi tal-Qawra.
Il-bidu tal-aħħar wirja tal-ajruplani għall-Airshow ta’ din is-sena. Mijiet ta’ nies ta’ kull età kienu lesti sabiex jitpaxxew bl-aħħar xow tal-ajruplani, b’uħud saħanstria kienu ilhom hemm minn kmieni filgħodu.
Fetaħ l-ispettaklu l-King Air tal-Forzi Armati ta’ Malta li laqa’ lin-nies b’duħħan aħmar. Eżatt wara ngħaqad miegħu l-ħelikopter, fejn hawnhekk membri mill-armata għamlu operazzjoni ta’ salvataġġ fil-baħar.
Segwew imbgħad bosta ajurplani ta’ kull tip, misjuqa mill-aqwa piloti minn madwar id-dinja, li taw wirja mill-isbaħ fl-ajru biswit il-gżejjer ta’ San Pawl.
One News setgħa jinnota bosta dillettanti tal-fotografija madwar il-kosta kollha lesti sabiex jiġbdu l-mumenti maġiki tal-ajruplani fl-ajru.
Dawn qalulna kif wara nuqqas ta’ tliet snin, din is-sena kienu ħerqana aktar sabiex jitpaxxew b’din il-wirja, partikolarment dik tar-Red Arrows.
Ritratti: Gareth Degiorgio