Il-problemi fir-relazzjonijiet huma l-akbar sfida li bosta jaffaċċjaw, u ħafna jirrikorru għas-servizz tal-counselling offrut b’xejn mill-Gvern.
Id-Direttur tas-Servizzi tal-Komunità fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Claire Sammut, spjegat kif il-professjonisti u t-terapisti dejjem iżommu f’moħħhom il-ħarsien tat-tfal.
Qalet kif, “Xi ħaġa li niltaqgħu ħafna magħha hija l-problemi relatati mar-relazzjonijiet u dawn jistgħu jkunu varji. Għandek diffikultajiet ta’ relazzjonijiet fejn jidħlu koppji, diffikultajiet bejn ġenituri u tfal u anke naħdmu ħafna fuq trobbija pożittiva fejn niltaqgħu mal-ġenituri biex ngħinuhom fuq trobbija.”
Fost ħafna diffikultajiet, il-professjonisti jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ saħħa mentali u tbatijiet ta’ meta xi ħadd jitlef qarib.
Ċifri uffiċjali ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għall-Familja Michael Falzon juru li bħalissa hemm kważi erba’ mitt persuna li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Fost l-oħrajn, hemm żewġ każijiet ta’ żwieġ annullat, tlettax-il każ ta’ ko-abitanti, tlieta ta’ divorzjati, mija u erbgħin każ ta’ persuni miżżewġin, tlieta u tletin ta’ nies separati, mitejn u żewġ individwi f’familja, u sitt romol.
Claire Sammut qalet li f’każijiet ta’ separazzjoni bejn koppja, is-servizz jara li l-proċess ikun wieħed kajman ħalli ma jbatux it-tfal.
Qalet, “Ngħinu lill-koppji jisseparaw kemm jista’ jkun b’mod amikevoli ħalli tkun ta’ anqas ħsara għalihom u speċjalment jekk hemm it-tfal u dawn ma jispiċċawx ballun bejn il-koppji.”
Kull min jixtieq xi tip ta’ għajnuna jista’ jċempel fuq in-numru 22959000.
L-ewwel pass ikun meta l-professjonisti jiltaqgħu mal-persuni u jaraw x’diffikultajiet ikunu qed jesperjenzaw.
Imbagħad jinħoloq pjan ta’ azzjoni li jassigura l-aqwa terapija u servizz ta’ counselling li persuna jkollha bżonn.