Ix-xita u l-bard ma waqfux lil bosta milli jinġemgħu fil-post fejn, l-Erbgħa fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, tilfet ħajjitha wara li ttajret minn karozza fi Triq Testaferrata l-mara Torka Pelin Kaya biex, flimkien mal-qraba tagħha, ifakkru l-memorja tagħha.
Dwar il-każ qed jiġi akkużat b’omiċidju volontarju Jeremie Camilleri, Malti-Franċiż ta’ 33 sena minn Ħal-Lija.
Viżibbilment emozzjonati, il-qraba ta’ Pelin Kaya saħqu li l-każ ma kienx sempliċiment inċident iżda qtil.
Il-qraba ta’ Pelin rringrazzjaw lill-bosta – kemm Maltin kif ukoll barranin – li attendew.
Huma qalu li Kaya kienet tfajla simpatika u mimlija ħajja. Irrakkuntaw li, filwaqt li huma ppruvaw jgħidulha biex tigi lura t-Turkija, kienet hi stess li riedetbiex tibqa’ Malta u kienet tfaħħar lill-Maltin.
Waqt il-viġili, il-qraba ta’ Pelin Kaya ġabu magħhom kejk biex jiċċelebraw gheluq sninha minħabba li dakinhar li tilfet ħajjitha kien proprju jum għeluq sninha.
Qalu, “What happened to Pelin, it is not an accident – it is murder. We believe that all you guys are seeing this and feeling this pain with the family. Our family is just asking the Maltese people to be with them and fight for Pelin’s justice.”
Kienu bosta preżenti li bid-dmugħ f’għajnejhom sellmu l-memorja ta’ Pelin Kaya u anki poġġew il-fjuri b’tifkira tagħha. Kif temmew il-messaġġ tagħhom il-qraba tagħha, il-folla preżenti bdiet tgħajjat isem Pelin filwaqt li ċċapċap.