Fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid kienu bosta li marru biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19 fi klinika mobbli mingħajr appuntament.
Għal darb’oħra kien hemm konkorrenza tajba għat-tilqim hekk kif il-koordinatur tal-programm ta’ vaċċinazzjoni, Jorgen Souness qal ma’ ONE News li fi ftit ħin marru jitlaqqmu iktar minn tliet mitt persuna.
Souness stqarr, “Dawn il-mobile sessions qed jolqtu ħafna nies li għandhom problema ta’ mobbilità jew inkella ma jistgħux jitilqu minn darhom jew għandhom problema tat-trasport. Kif qed taraw illum diġà għamilna mat-300 persuna minn dalgħodu bdejna fl-għaxra nieqes kwart ta’ filgħodu u l-konkorrenza tibqa’ sejra sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.”
Souness spjega wkoll li f’dawn il-kliniċi mobbli kull ma għandek bżonn huwa ċ-ċertifikat tal-ewwel u t-tieni doża jew il-karta tal-identità.
Is-Sibt li ġej se jkun hemm klinika mobbli oħra ġewwa l-Mosta Technopark.
Waqt li konna ġewwa Raħal Ġdid tkellimna ma’ xi persuni waqt li kienu qed jistennew biex jieħdu d-doża tal-booster jew wara li eżatt ħadu d-doża tal-vaċċin.
Huma tennew kif irrikorew għal dawn il-kliniċi mobbli hekk kif għal raġuni jew oħra ma setgħux jmorru għall-appuntament oriġinali tagħhom.
Meta ONE News staqsihom jekk ħassewhomx sodisfatti b’dawn il-kliniċi mobbli u jekk humiex aktar komdi u konvinjenti huma weġbuna li s-servizz huwa effiċjenti.
Intant l-infermier Souness spjega li b’tilqim ta’ kumpaniji differenti bejn l-ewwel dożi u l-booster, il-ġisem tal-bniedem jkun iktar b’saħħtu biex jiġġieled kontra l-virus tal-Covid-19.
Hu temm jgħidilna, “Eżatt dan skont studji li sar anka barra minn Malta sabu li meta inti you cross vaccinate mela inti ħadt Pfizer imbagħad il-booster shot ħadtu Moderna jew ħadt Astra Zeneca u l-booster shot ħa tieħdu Moderna jew Pfizer inti tkun qed tolqot il-virus minn diversi bnadi allura tkun iktar effetiv u l-antibodies tal-ġisem ikunu iktar għoljin.”