L-ewwel ta’ Lulju. Jum li bosta ilhom jistennew bil-ħerqa.
L-amministrar tal-pandemija, is-suċċess tal-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna u s-sagrifiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin wassal biex Malta llum tara r-rilaxx ta’ miżura ewlenija, dik tal-ilbies tal-maskri.
F’temp mill-isbaħ, il-Ħamis filgħodu bosta persuni daħlu fil-Kapitali Maltija sabiex jieħdu xi tazza te jew kafè, fejn qasmu magħna dak li ħassew illum meta b’mod liberu setgħu jinżaw il-maskra fil-pubbliku.
Oħrajn qalulna li wara li tlaqqmu u għaddew ħmistax-il ġurnata, mal-ewwel niżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin fuq il-mobile jew ipprintjawh u ħallewh fil-basket.
Kien hemm dawk li minkejja li tlaqqmu kompletament xorta se jibqgħu jilbsu l-maskra fil-pubbliku, għax hekk iħossuhom siguri.
Mil-lum ukoll pajjiżna beda jaċċetta ċ-ċertifikat tal-vaċċin taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Dan iċ-ċertifikat, bħal dak ta’ Malta jinħareġ lil dawk li jkunu tlaqqmu bil-vaċċin għal kontra l-Covid-19 u jkun fuq karta jew inkella b’mod diġitali. Malta permezz tal-Prim Ministru Robert Abela kienet mill-ewwel pajjiżi Ewropej li appellat sabiex dan iċ-ċertifikat jiddaħħal fis-seħħ.
Intant, fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa spjega kif mill-1 ta’ Lulju, Malta bdiet taċċetta l-verżjoni diġitali taċ-ċertifikat tal-vaċċin maħruġ mis-Servizz tas-Saħħa tar-Renju Unit, kif ukoll il-verżjoni fiżika. Dan wara li l-awtoritajiet Maltin żviluppaw verifier app li permezz tiegħu l-linji tal-ajru u l-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika se jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità taċ-ċertifikat diġitali Ingliż ippreżentat qabel turist jidħol f’pajjiżna.
L-istqarrija żiedet tgħid li persuni li ġejjin mir-Renju Unit jistgħu jidħlu f’pajjiżna biss jekk huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.