Hekk kif tħabbret il-mewt tal-eks Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, kienu bosta li fakkru l-memorja tiegħu. Tul il-karriera tiegħu fil-politika u anka fix-xandir, huwa mess il-ħajja ta’ bosta nies.
Fost dawk li dan l-istazzjon ħa r-reazzjoni tagħhom kien hemm Daniel Ciappara, li serva ma’ Parnis bħala Ufiċjal tal-Komunikazzjoni tiegħu waqt li kien Segretarju Parlamentari. Huwa qalilna x’kien l-aħħar messaġġ li għaddhielu Silvio.
“Silvio, l-aħħar kliem li qalilna lbieraħ stess, kien, ‘Agħmlu kuraġġ’. Dak jurik xi bniedem kien. li baqa’ jġib lil ħaddieħor qablu anki fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Silvio huwa eżempju ċar ta’ x’jiġifieri bniedem ikun altruwist, li dejjem jaħseb f’ħaddieħor u wara jaħseb fih.”
Lil hinn mill-politika, il-familja kienet f’qalb Silvio Parnis. Hekk stqarret magħna Carmen Abela, li serviet bħala l-assistenta personali tiegħu meta kien Segretarju Parlamentari.
“Ifhimni, Silvio l-ewwel imħabba tiegħu, forsi ħafna jaħsbu li hija l-politika, meta fil-fatt hija l-familja tiegħu. L-imħabba tiegħu lejn ibnu Jacob, lejn martu Dorianne, ommu Doris u ħutu u n-neputijiet. Jiġifieri dejjem, b’xi mod, kien jirnexxilu jsib dak il-bilanċ biex jagħti l-attenzjoni lil kulħadd, imma ovvjament f’qalbu dejjem spikkat l-imħabba li kellu għall-familja tiegħu.”
Ma’ ONE News, tkellem ukoll Etienne Mercieca, li kellu diversi esperjenzi ma’ Silvio Parnis. Huwa stqarr li, kemm kien ilu jafu, il-qalb tad-deheb tiegħu minn dejjem kienet hemm, hekk kif minn età żgħira Silvio Parnis dejjem kien ifittex kif se jgħin lil ta’ madwaru.
“Minn dejjem kien persuna illi se jara kif se jgħin lin-nies, minn ċkunitu. Il-politika kienet il-mutur li għalih seta’ juża l-politika biex jgħin lin-nies. Nista’ ngħid li Silvio Parnis dejjem ried il-politika u l-poter mhux għalih innifsu imma biex ikun jista’ jgħin lin-nies.”
Persuna li wkoll kienet ilha taf lil Silvio Parnis għal snin twal hija l-preżentatur Karl Bonaci, li nnota kif Silvio kien persuna tan-nies, li ma kienx jiddistingwi bejn persuna jew oħra.
“Silvio l-kwalità li tispikka fih kienet, Alla jaħfirlu, kien il-persuna tan-nies. Kienu jċemplu n-nies u kienu jgħidulu, ‘Għax jiena mhux minn Raħal Ġdid’. Kien jgħidilhom, ‘Ma jinteressanix minn fejn int’. ‘Isma’, jiena mhux tal-partit tiegħek’. ‘Ma jimpurtanix, x’għandek bżonn?’. Voldieri, Silvio kien persuna illi ma kienx jara kuluri, ma kienx jara partiti, ma kienx jara lokalità. Kien iħares biss kif jista’ jgħin lil dak li jkun.”
F’kumment lil dan l-istazzjon, il-Kanonku Joe Mizzi, li kellu l-aktar kuntatt miegħu fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija, iddeskrivieh bħala persuna reliġjuża.
Intant, għada l-Ġimgħa se tingħata l-aħħar tislima lil Silvio Parnis, fit-8:30 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid.
Qabel, il-korteo funebri tal-eks Deputat u Segretarju Parlamentari se jgħaddi minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.