Tul il-jum tal-Ħadd bosta Maltin u turisti marru bi ħġarhom fl-Imġarr biex iduqu dak li joffri l-prodott Malti f’Festa Frawli.
Hawn wieħed seta’ jara u jixtri l-frawli Malti u kif ukoll prodotti marbuta magħhom, fosthom diversi ħelu tal-frawli.
Din kienet l-ewwel edizzjoni ta’ Festa Frawli f’sentejn, hekk kif minħabba l-pandemija, l-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ dan l-avveniment tant mistenni, ma setgħux isiru.
ONE News żar l-Imġarr, fejn seta’ jara l-andament b’saħħtu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-prodott Malti.
Il-bejjiegħa li tkellmu ma’ dan l-istazzjon sostnew kif din l-edizzjoni kienet waħda ta’ suċċess kbir.
Bejjiegħ minnhom qalilna, “Bażikament hawn ħafna turisti wkoll u jidher li hawn atmosfera sabiħa u n-nies qed jieħdu pjaċir.”
Persuna oħra stqarret, “Naħseb li erġajna b’suċċess fil-festa frawli u avolja konna sentejn nieqsin minħabba l-Covid, naħseb dis-sena kellna suċċess kbir.”
Intant, dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ xi nies li ħadu vantaġġ mit-temp sabiħ, u esperjenzaw dan l-avveniment maħbub fil-kalendarju Malti.
Apparti l-frawli ħelu, huma sostnew li r-raġuni partikolari għalfejn ġew bi ħġarhom, hija sabiex jippromwovu l-prodott ta’ Malta.