Miljuni ta’ nies qegħdin jaffaċċjaw problemi huma u jivjaġġaw kawża taż-żieda ta’ restrizzjonijiet waqt il-festi tal-Milied.
Dawn ir-restrizzjonijiet tħabbru fid-dawl taż-żieda fil-każijiet tal-varjant Omicron madwar id-dinja.
Filfatt l-Amerka mistennija tneħħi restrizzjonijiet ta’ vjaġġar minn u lejn l-Afrika t’Isfel hekk kif tħoss li m’għadhomx neċessarji minħabba li l-każijiet ta’ Omicron fl-Istati Uniti żdiedu ġmielhom.
Fl-Italja, Spanja u l-Greċja l-ilbies tal-maskra barra reġa’ sar mandatorju filwaqt li f’Katalunja, ġiet introdotta miżura li biha, persuni ma jistgħux joħorġu barra matul il-lejl.
Dan filwaqt li fl-Ekwador il-vaċċin kontra l-Covid-19 ser ikun mandatorju għal diversi ċittadini.
Il-Ministeru għas-Saħħa tal-Ekwador sostna li hemm biżżejjed dożi biex titlaqqam il-popolazzjoni kollha iżda dawk li għandhom raġunijiet mediċi għalxix ma jistgħux jieħdu l-vaċċin, ser jiġu eżentati.
Il-bqija tal-popolazzjoni li għandhom ‘il fuq minn ħames snin, iridu jitlaqqmu.
Intant, studju Ingliż juri li nies li mardu bil-varjant Omicron għandhom bejn ħamsin u sebgħin fil-mija inqas ċans li jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet.
L-istħarriġ li juri riżultati inkoraġġanti, wera wkoll li dawn l-istess persuni għandhom sa ħamsa u erbgħin fil-mija inqas ċans li jidħlu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
Minkejja, l-Aġenzija għas-Sigurtà tas-Saħħa tar-Renju Unit wissiet li l-varjant xorta waħda jista’ jwassal biex persuna tidħol l-isptar u xorta waħda jista’ jitfa’ pressjoni fuq l-isptarijiet jekk dan il-varjant jinfirex b’rata mgħaġġla.