Aktar imsieħba soċjali faħħru l-ftehim kollettiv ġdid, li minnu se jibbenefikaw minnu madwar 33,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku.
Marco Bonnici, il-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-MUT, elenka li dan il-ftehim se jkompli jibni fuq dak li diġà hemm.
“Dan il-ftehim kollettiv il-ġdid huwa ftehim li kompla jibni fuq il-ftehim settorjali li għamilna aħna, jaffettwa ħafna l-edukatur, u għaldaqstant huwa importanti ħafna għalina. Huwa ftehim li jħares lejn pakkett finanzjarju, imma jħares ukoll lejn il-kundizzjonijiet, u hija xi ħaġa li qiegħda fil-ftehim ukoll, qed iħares lejn allowances ġodda, kif ukoll iż-żidiet u t-titjib tal-pakkett finanzjarju.”
Għalkemm l-ewwel darba li ġew involuti, Jonathan Callus mill-Unjin tal-Protezzjoni Ċivili, is-CPU, sostna li din kienet esperjenza pożittiva ħafna.
“Bħala CPU l-ewwel darba li ġejna involuti fil-ftehim kollettiv. Kienet esperjenza pożittiva ħafna. Nilqgħu il-ftehim pożittiv għall-membri tagħna kollha, anke għall-fatt li kien hemm parti mill-ftehim kollettiv li ħa jolqot lill-membri tagħna fejn jidħol is-servizz fit-tul.”
Ashley Vella, uffiċjal mill-Malta Police Union, enfasizzat li dan il-ftehim kollettiv se jħalli impatt kbir fuq kull pulizija.
“Għamilna passi l-kbar ’il quddiem għal kull pulizija membru tagħna, fis-sens għax dawn il-pulizija qatt ma kienu mdaħħlin qabel, ċertu affarijiet speċifiċi, qatt ma setgħu jiġu indirizzati, għax il-vuċi tagħna qatt ma kienet tista’ tinstema’.”
Steve Spiteri, Viċi-President tal-Police Officers’ Unit, il-POU, saħaq li hu ta’ unur għalih li kien preżenti għal dan il-ftehim.
“Bħala Police Officers’ Union ovvjament naprezzaw li konna preżenti f’dan il-ftehim settorjali. Huwa unur, u l-esperjenza żgur li tgħallmek meta tkun fuq il-mejda ma’ dawk il-unions kollha, u aħna li nirrappreżentaw il-pulizija, inħoss li għandu jkun tajjeb ukoll għall-gwadann tal-pulizija.”