Għal bosta sidien ta’ ħwienet, il-jum tat-Tnejn immarka l-bidu mill-ġdid għar-rutina tax-xogħol, hekk kif tneħħew numru ta’ miżuri restrittivi li kienu ttieħdu ġimgħat ilu biex irażżnu t-tixrid tal-Coronavirus.
Mal-bidu ta’ ġimgħa ġdida, it-toroq ta’ pajjiżna bdew jieħdu l-ħajja hekk kif il-ħwienet li joffru servizzi mhux essenzjali reġgħu fetħu l-bibien tagħhom.
Crew ta’ ONE News żar ħanut tal-ħwejjeġ fin-Naxxar, fejn sab lil sidt il-ħanut taqdi lill-klijenti.
Hija spjegat li ħafna mill-klijenti tagħha ppreferew jistennew biex ikunu jistgħu jmorru jixtru fil-ħanut minflok jordnaw online.
Qalet, “Ilna ġimgħa sħiħa kulħadd jistaqsi fuq Facebook, jiġifieri jidher li llum in-nies ġejjin bi ħġarhom. Kif stajt tara jiġifieri n-nies qed jikkonkorru. Ifhem hawn il-praċett u l-ġriżmi kulħadd, daħal iż-żmien u kulħadd qed jiġi biex jara x’se jixtri”
Evidenti li l-ħwienet żammew mal-pariri u l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa u ħadu l-prekawzjonijiet kollha favur is-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd.
Il-barbiera wkoll ħadu r-ruħ hekk kif wara ġimgħat bil-Wage Supplement biss, issa b’entużjażmu reġgħu bdew jaqdu lill-klijenti tagħhom.
Il-barbier Aaron Sammut spjega li din il-ġimgħa kienet ilha mistennija.
Spjega, “Ħerqanin biex nerġgħu lura għax-xogħol, nistennew bil-ħerqa li nidħlu lura fir-rutina, anke kulħadd qed jistenna bil-ħerqa li jaqta’ xagħru. Ifhimni, veru m’hawnx fejn toħroġ imma kulħadd għandu bżonn jaqta’ xagħaru. Issa nibdew mill-ġdid, ħerqan li se nara lill-klijenti tiegħi lura.”
Il-jum tat-Tnejn fisser ukoll li n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu barra fil-pubbliku tela’ għal erbgħa, filwaqt li reġgħu bdew iż-żjarat fl-isptarijiet.