Illejla, il-Bini tal-Parlament flimkien ma’ binjiet prominenti oħra bħall-Berġa ta’ Kastilja, il-Funtana tat-Tritoni, diversi ministeri u kunsilli lokali, se jintfew bejn it-tmienja u nofs u d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija.
Dan bħala parti mill-inizjattiva ta’ Earth Hour, fejn Malta se tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tqajjem kuxjenza ambjentali fuq il-problemi marbuta mal-konsum eċċessiv u mhux sostenibbli tal-enerġija.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li titqajjem kuxjenza ambjentali billi jiġi mfakkar id-dmir ta’ kull individwu fil-ħarsien tal-ambjent, fejn ftit sforz minn kulħadd jista’ jissarraf f’benefiċċju globali.