Hekk kif beda x-xahar ta’ Diċembru, il-Marsa, li din is-sena kellha t-titlu tal-Kapitali tal-Kultura, bdiet tipprepara sabiex bil-mod tibda tħejji għat-tmien tas-sena kulturali tagħha.
Sabiex din is-sena tingħalaq bil-kbir, matul ix-xahar ta’ Diċembru fil-Marsa se jsiru numru ta’ attivitajiet fosthom karrijiet tal-Milied madwar it-toroq kif ukoll inzjattiva bl-isem ‘Christmas under the Bridge’.
L-aktar li se jispikka huwa l-presepju li se jinfetaħ fit-tmintax ta’ Diċembru, u li se jrodd ħajr lil karattri prominenti Marsin.
“Bħal tal-ħobż, li forsi wieħed jisma’ l-għajta tiegħu ‘Tal-ħobż!’, forsi ġieli anki rajtuha, u se jsib ruħu f’dan il-presepju. Niftakru wkoll nies li, pereżempju, kienu jgħaddu bil-mogħoż fit-toroq tagħna bħal Pietru tal-mogħoż, u n-nies tal-Marsa jafuh sew – u se jsib ruħu bħala pastur f’dan il-presepju wkoll. Ovvjament, issemmi lil San Ġorġ, ir-rabta tiegħu mas-salib tal-Marsa fost l-oħrajn. Se jkun hemm diversi karattri li se nħalluhom sorpriża biex in-nies meta jiġu hawn jibdew iqabbluhom u jagħrfu dawk il-personaġġi li poġġejna.”
Dan it-titlu ta’ kapitali tal-kultura ngħata lill-Marsa għas-sena elfejn tnejn u għoxrin u issa se jkun qed jgħaddi għand ir-Reġjun tan-Nofsinhar.
“Fhimna li għandna ħafna lokalitajiet li għandhom x’joffru għall-kultura f’pajjiżna: tradizzjonijiet u dak kollu li jagħmel il-lokalitajiet tagħna se jkunu qed jiġu ppreżentati permezz ta’ programm preparat diġà, programm mimli li ppreparaw ir-Reġjun tan-Nofsinhar, fejn fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin inħabbru dak kollu li se jkun preżentat u preparat mir-Reġjun tan-Nofsinhar kif ikun qed jieħu t-titlu ta’ Reġjun Kulturali għas-sena li ġejja.”
It-titlu ta’ kapitali tal-kultura ta opportunità lill-Marsa u lill-Marsin sabiex jitfgħu dawl fuq il-ġojjelli moħbija f’pajjiżna. Kif jirrimarka s-Sindku tal-Marsa, tul is-snin il-Marsa offriet ħafna lil Malta, u għad baqalha ħafna x’toffri.