Meta wieħed jara ż-żidiet li tħabbru fil-Budget, il-maġġoranza tal-anzjani ħa jkunu qed igawdu minn żieda ta’ bejn għaxar u ħmistax-il ewro fil-ġimgħa.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet bit-tema Malta li rridu għal Uliedna, indirizzata mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, fejn ġie spjegat l-għajnuna kollha li se jingħataw lill-anzjani b’rabta mal-Budget.
Il-Ministru Farrugia spjega kif il-Gvern ta prijorità lill-anzjani fil-komunità u anke f’residenzi b’miżuri fil-Budget.
Rigward l-anzjani fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul huwa semma li dalwaqt se jinħarġu l-kuntratti għal CT Scan ġdida, kif ukoll taqsima ta’ occupational therapy u klinika tal-outpatients.
Huwa żied jgħid li San Vinċenz de Paul se jara wkoll ġnien speċjalizzat għall-pazjenti bid-dimensja u anke infrastruttura neċessarja sabiex il-flotta tal-vetturi tar-residenza tinqaleb għal waħda elettrika.
Minkejja dawn l-investimenti, il-Ministru sostna li l-Gvern se jaħdem sabiex aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. Għal dan l-għan il-Ministru sostna li se jinħarġu kuntratti għall-iskavar ta’ dar tal-anzjani fl-Imsida, u wara din jinħarġu kuntratti għal dar oħra fil-Mosta.
Huwa stqarr li wara proġett pilota ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani matul il-lejl, issa jmiss li dan is-servizz jiġi estiż.
Qal, “Kellna diversi proġetti, wieħed mill-proġetti kien ġewwa s-Siġġiewi fejn parti minnu kien jitkellem fuq sheltered housing għall-anzjani. Anzjani li m’għandhomx bżonn jidħlu f’residenza għax kapaċi jieħdu ħsieb lilhom infushom, imma jixtiequ jgħixu f’ambjent ta’ wens u jħossuhom f’ċertu solitudni jew b’ċertu dwejjaq li jgħixu ġewwa darhom waħidhom.”
Intqal kif iż-żieda fil-pensjonijiet se tgħin ukoll sabiex l-anzjani fil-komunità jgħixu aktar komdi u indipendenti.
Il-Ministru Michael Farrugia qal ukoll li f’pajjiżna hemm madwar mitt elf anzjan u anzjana li jgħixu fil-komunità.