Persuni li ilhom involuti fis-settur tal-faqar għal dawn l-aħħar ħames snin jistgħu jibbenefikaw minn borża ta’ studju biex ikompli jispeċjalizzaw il-ħidma tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar Papa Franġisku li toffri kenn ta’ emerġenza għal persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, ingħad li l-borża ta’ studju b’valur ta’ €5,000 ewro ssemmiet għal Charles Miceli, l-attivist soċjali li miet bħal daż-żmien sena.
Il-Professur Carm Borg, ħabib tas-Sur Miceli, u li qed jamministra dan l-iscolarship tkellem dwar il-kriterji marbuta ma’ din il-borża ta’ studju mħallsa mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi.
“Dan huwa ‘scolarship’ li se jippremja lin-nies li mhux biss jitkellmu dwar il-fqar, mhux biss jiktbu dwar il-fqar, imma jridu jaħdmu wkoll fost il-fqar,” qal il-Prof. Borg.
Spjega kif din l-opportunità qed tinfetaħ għal bosta persuni.
“Peress li aħna se niffinanzjaw mhux biss il-possibilità ta’ degree imma anke korsijiet qosra, hemm il-possibilità li aktar minn persuna waħda tibbenefika minn dawn il-fondi,” qal il-Prof. Borg
Mart Charles, Pauline Miceli qalet li dan l-iscolarship mistenni jkun legat tal-ħidma ta’ żewġha.
“Li jkun hawn aktar nies bħalu li naħseb impossibli li xi ħadd ikun huwa bħalu għax huma ċ-ċirkostanzi u l-esperjenza tiegħu fil-gurnalizmu li żviluppa l-ħsieb, kien kapaci jikteb, jaħdem u jilobja biex l-affarijiet jinbidlu,” qalet Pauline.
Is-Sur Antonio Gauci milll-Fondazzjoni Alfred Mizzi qal li l-għan tal-‘ischolarship’ hu li jżomm il-memorja ta’ Charles ħajja.