Ftit passi ‘l bogħod minn pajjiżna, l-art hija miksija bajda u t-temperaturi baxxi qed ikomplu jippersistu. Kienu bosta r-ritratti li tpoġġew fuq is-sit soċjali facebook li juru art bajda f’postijiet li rari jaraw dan it-tip ta’ temp fi Sqallija, fosthom f’ Taormina u Giardini Naxos.
Iżda dawn ma kienx l-unika pajjiż li esperjenza temp kiesaħ u Xitwi hekk kif fl-Ewropa mietu madwar 20 persuna kawża tal-kesħa.
Ftit tal-jiem ilu rrappurtajna ukoll kif tħassru vjaġġi tal-Virtu Ferries bejn Malta u Sqallija flimkien ma’ numru ta’titjiriet kawża tal-maltemp. Filfatt, fl-Italja huwa mistenni li t-Tnejn l-iskejjel ikunu magħluqin.
Fil-Polonja mietu għaxar persuni kawża tal-kesħa filwaqt li fir-Russja matul il-lejl it-temperatura niżlet – 30C. Fil-Ġreċja eluf ta’ immigranti qed isibu post temporanju fejn jgħixu hekk kif il-kesħa li qed tagħmel tista’ twassal biex jitilfu ħajjithom.
L-ajruporti ta’ Sqallija, Bari u Brindisi ngħalqu matul il-jum tas-Sibt filwaqt li Ruma esperjenzat temperaturi baxxi ħafna.
It-temperaturi baxxi f’pajjiżna ma naqsux, bl-Awtoritajiet joħorġu linji gwida għall-anzjani li fost oħrajn kienu jissuġġerrixxu li ma jiġiex ikunsmat alkoħol u café.
Iżda kif jgħid il-Malti, xemx u xita Alla jaf meta hekk kif il-jum tal-Ħadd f’pajjiżna huwa wieħed xemxi iżda minkejja dan it-temperatura tinħass 9 gradi. Iżda ċ-ċans li nesperjenzaw l-istess temp bħal ta’ Sqallija għadu hemm hekk kif għall-jum tat-Tnejn huwa mbassar li jerġa’ jkollna ħalbiet tas-silġ.