Din is-sena il-boroż ta’ studju li joffru opportunitajiet ta’ studji varji ġew offruti f’daqqa. B’kollox din is-sena ġew preżentati flimkien ħames boroż ta’ studju li joffru oppportunitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni f’diversi oqsma fosthom l-arti, l-isports, u suġġetti akkademiki oħra b’din is-sena jinkludu ukoll opportunitajiet ta’ studji veterinarji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici stqarr kif dan l-investiment ta’ €2.3 miljun mistenni jolqot mal-ħames mitt persuna b’opportunitajiet ta’ studji differenti tul din is-sena.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Dan huwa pakkett ta’ investiment ta’ €2.3 miljun illi bis-saħħa tiegħu qegħdin naraw l-iffinanzjar ta’ ħames skemi ta’ studju differenti li huwa preżunt li minnu se jibbenifikaw ħames mitt persuna. Inkluż skema ġdida li se tgħin lill-istudenti li qegħdin jistudjaw jew beħsiebhom jistudjaw studji veterinarji.”
Preżenti għal konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima li tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-boroż ta’ studju li joffru rimborż tal-istudju.
L-Onor. Grima qal: “Dawn huma kollha studji li ż-żgħażagħ tagħna qiegħdin ifitxu biex jispeċjalizzaw sabiex ikomplu jistudjaw fihom u propju qegħdin naraw bħala gvern illi nagħtu l-għajnuna tagħna sabiex propjament ikolna dawn in-nies illi jerġgħu jiġu lura lejn pajjiżna mgħonija propju b’dawn it-talenti u ħiliet ġodda.”
Preżenti ukoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li tkellem dwar il-programm ta’ skemi Endevour u li huwa finanzjat mill-Unjoi Ewropea u joffri opprtunitajiet ta’ studji terzjarji.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi sostna: “Dan huwa biex nghidu hekk proġett li ghandu finanzi ta’ madwar 11-il miljun ewro li minnu gawdewh madwar elf persuna. Huwa maħsub biex jilħaq miri ta’ edukazzjoni taħriġ u lifelong learning fejn inti hemmhekk għandek speċjalizzazjoni fil-livell terzjarju illi dawn il-fondi qegħdin jgħinu biex aktar nies jkollhom aċċess li jkomplu jispeċjalizzaw fil-qasam li fuqu jkunu studjaw.”
L-applikazzjonijiet se jinfetħu nhar it-Tnejn 13 ta’ Lulju u se jibqgħu miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju. Dawk interessati mistennija li japplikaw u isibu iktar informazzjoni fuq is-sit www.myscholarship.gov.mt